Il-Pulizija tidentifika lil min għamel is-salut Nażista … Kif tintemm l-investigazzjoni jinħarġu l-akkużi

Minn VICTOR VELLA

Il-kwistjoni marbuta ma’ persuna li ftit jiem ilu waqt protesta fil-Belt għamel salut Nażista kellha żvolta fl-aħħar. Dan hekk kif IT-TORĊA hi infurmata li l-Pulizija identifikat lil din il-persuna. L-investigazzjoni dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Inewsmalta għamlet kuntatt mal-Korp tal-Pulizija fejn dawn ikkonfermaw li l-persuna ġiet identifikata. 

Il-Pulizija qalulna li “l-Pulizija mid-Distrett tal-Belt bdiet mill-ewwel tinvestiga dan il-każ sabiex primarjament tiġi identifikata l-persuna kkonċernata. Din il-persuna ġiet identifikata riċentament u qed titkompla l-investigazzjoni. Meta tigi finalizzata l-imsemmija investigazzjoni, jinħarġu l-akkużi”.

Il-liġi ta’ pajjiżna tgħid li kull min juża kliem jew imġieba ta’ theddid, abbużivi jew insolenti, jew jesebixxi xi materjal miktub jew stampat li jkun ta’ theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort’oħra jġib ruħu b’dak il-mod, bil-ħsieb li b’hekk iqajjem vjolenza jew mibegħda razzjali kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identit tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew b’hekk joħloq il-probabbilta li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha, titqajjem vjolenza jew mibegħda  razzjali, jeħel, meta jinsab ħati, l-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tmintax-il xahar. 

Share With: