Il-UEFA se tgħin lil Liverpool u lil Man Utd?

Il-UEFA se tagħti x fondi lil Liverpool u lil Manchester United wara l-multa ta’ €10 miljun li weħlu Manchester  City wara li kisru r-regola tal-Financial Fair Play.

Wara li t-team li jilgħab fl-Etihad Stadium kien ingħata sospensjoni, din ġiet maħfura sabiex issa jistgħu jieħdu sehem b’mod normali fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-UEFA Champions League.

Dawn l-aħħar xhur għas-Citizens kienu ta’ taqtiegħ il-qalb wara li bosta uffiċjali bdew jistaqsu fuq il-futur tagħhom ladarba t-team ma kienx se jagħmilha għall-ogħla kompetizzjoni Ewropea.

Iżda fis-seduta li kellhom quddiem il-CAS, mhux talli nħafritilhom is-sospensjoni, talli l-multa ta’ dan l-aġir tnaqqset minn €30 miljun għal €10 miljun biss.

Għall-inqas Liverpool u Manchester United se jkunu qed jibbenefikaw minn din is-somma li se tkompli titqassam ma’ xi clubs oħra Ingliżi.

Hekk kif din is-sentenza ġiet ikkritikata bl-aħrax minn diversi segwaċi u dilettanti tal-futbol Ingliż, mill-banda l-oħra din kienet rebħa għall-avukati tal-klabb minn Manchester li ħadmu bla heda anke fi żmien tal-pandemija tal-Covid-19 biex dan it-team jagħmilha għal din il-kompetizzjoni prestiġjuża.

Kien għalhekk li l-ogħla awtoritajiet tal-club ingaġġaw l-aqwa avukati u rappreżentanti sabiex bil-ħila tagħhom jipperswadu lil CAS idawwar fehmtu, xi ħaġa li rnexxielhom jagħmluha mija fil-mija. Madankollu l-UEFA xejn ma tinsab kuntenta b’din id-deċiżjoni u mhux eskluż li jkun hemm appell f’dan ir-rigward.

Li hu żgur hu li mhux se jkun hemm tibdil drastiku fil-jiem li ġejjin. Anke l-kumitat tal-Premier League Ingliż ukoll wettaq l-investigazzjonijiet tiegħu għalkemm dawn għadhom ma ġewx konklużi.

Finalment Manchester City ħarġu stqarrija fejn irringrazzjaw lil CAS tad-disponibbiltá tagħhom. L-istqarrija tgħid ukoll li fil-jiem li ġejjin se tkun qed toqgħod għal kull tip ta’ implikazzjoni li din is-sentenza se ġġib.

Share With: