Il-WHO tħabbar rekord ta’ każi ġodda ta’ coronavirus f’jum wieħed

In-numru ta’ każijiet ġodda ta’ persuni infettati bil-coronavirus tela’ bi kważi 260,000 f’24 siegħa – l-akbar żieda f’jum wieħed mindu bdiet il-pandemija. Qalet dan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Skont il-WHO din hija l-ewwel darba fejn in-numru ta’ każi ġodda qabeż il-kwart ta’ miljun. L-akbar żidiet kienu reġistrati fl-Istati Uniti, fil-Brażil, l-Indja u l-Afrika t’Isfel.

Intant in-numru ta’ mwiet żdied b’7,360 – l-akbar żieda sa mill-10 ta’ Mejju li għadda.

Intant ilbieraħ in-numru ta’ każi konfermati bħala pożittivi għall-coronavirus madwar id-dinja kollha qabeż l-14-il miljun sa mill-bidu tal-pandemija, b’aktar minn 600,000 persuna jmutu kaġun tal-virus.

Il-każijiet ta’ infezzjonijiet ġodda qed iqanqlu tħassib fl-Istati Uniti, b’numru ta’ stati – partikolarment dawk fin-Nofsinhar tal-pajjiż li kienu kuntrarji li jimplimentaw miżuri ta’ lockdown jew jimponu l-użu ta’ maskri.

L-istess qed jiġri fil-Brażil, fejn il-miżuri implimentati biex tiġi kkontrollata l-pandemija kienu fil-mira ta’ kritika ħarxa. In-numru ta’ każi ġodda fil-pajjiż qed ikompli tiela’ b’mod allarmanti, minkejja li l-WHO aktar kmieni din il-ġimgħa qalet li l-każi ma kinux qed jiżdiedu b’mod esponenzjali.

Share With: