Illum issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA

Il-laqgħa ġenerali annwali tal-Malta Football Association għall-istaġun 2019/20 se ssir illum, f’lukanda ewlenija fil-Qawra.

Fost it-temi li se jkunu qegħdin fuq l-aġenda hemm l-approvazzjoni tal-minuti tal-aħħar laqgħa ġenerali annwali li saret fl-20 ta’ Lulju, 2019, l-approvazzjoni tar-rapport fuq l-attivitajiet tal-assoċjaz­zjoni kif ukoll il-kontijiet u l-bilanċ finanzjarju tal-assoċjazzjoni għall-ista­ġun 2019/20.

Barra minn hekk se ssir l-elezzjoni għall-membri ordinarji tal-kumitat eżekuttiv għall-istaġun 2020/21 kif ukoll tibdil ċkejken fl-istatut tal-is­taġun u l-mozzjonijiet imres­sqa.

Mhux se jkun hemm elezzjonijiet għall-uffiċjali tal-assoċjazzjoni minħabba li s-sena li għaddiet dawn ġew eletti għal perjodu ta’ erba’ snin.

Min-naħa l-oħra se tkun meħtieġa elezzjoni waħda għall-membri ordinarji tal- Kumitat Eżekuttiv minħabba li n-numru ta’ nominazzjoni­jiet kien l-istess bħan-numru ta’ vakanzi għal 12 mill-14-il siġġu.

Hija meħtieġa elezzjoni għall-membri tal-kunsill li jirrappreżentaw il-clubs membri b’mod ġenerali minħabba n- nominazzjonijiet ta’ Jesmond  Abela, Peter Fenech, Chris Grech u Chris Muscat li jridu jimlew żewġ postijiet.

Il-membri l-oħra tal-kunsill li għandhom jiġu eletti fil-kumitat eżekuttiv huma:

Premier Division: Victor Cassar u George Galea

I Diviżjoni: Joseph Sammut u Stefan Vella

II Diviżjoni: Godfrey Borg u Raymond Micallef

III Diviżjoni: Robert Camil­leri u Cory Greenland

Youth Football Association: Joe Micallef

Gozo Football Association: Dr Samuel Azzopardi

Assoċjazzjonijiet membri: Francis Muscat and Pio Vassallo

Hemm erba’ emendi jew tibdil fl-istatut li qed jiġu proposti.

Fil-fatt il-Kumitat Eżekuttiv qed jipproponi tibdil fil-kompożizzjoni tiegħu wara l-ħolqien tan-National Amateur League u t-tibdil fil-Gozo FA fejn għandu x’jaqsam l-istatus tal-players, ir-reġistrazzjonijiet u kumpens eventwali.

Il-club ta’ Swieqi United qed jipproponi emenda li hi intiża biex ikun hemm possibbiltá li membru tal-kunsill ikun mibdul jekk ma jkunx jista’ jattendi. Is-sostitut għandu jkun hemm biex josserva filwaqt li m’għandux il-jedd li jivvota.

Emenda oħra li qed tiġi proposta għandha x’taqsam mal-kompetizzjonijiet wara l-bdil fl-isem tal-Ewwel Diviżjoni li se tibda tissejjaħ Challenge League filwaqt li t-Tieni u t-Tielet Diviżjoni se jsiru flimkien bħala National Amateur League.

Finalment se jkun hemm żewġ mozzjonijiet li se jiġu mressqa u dawn jirrigwardjaw il-promozzjoni u r-relegazzjoni għall-Kampjonat Premier, Challenge League u National Amateur League.

Se jkun hemm anke diskussjoni biex jiġi deċiż il-kompożizzjoni tal-Youth League fl-istaġun li ġej.

Share With: