Illum jibda jinstema’ l-każ kontra John Woods

Qqed jiġi mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia li seħħ 12-il sena ilu u li ħeba l-katavru tagħha

Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, illum waranofsinhar, mistennija tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ John Paul Charles Woods, li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia li seħħ f’Novembru 2008.

Minbarra l-akkuża li wettaq dan id-delitt, huwa qed jiġi mixli wkoll li ħeba l-katavru ta’ Farrugia, laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, ġarr sikkina mingħajr liċenzja u li kien reċediv.

Fis-seduta tal-lum mistenni jixhdu l-ewwel l-Uffiċjali Prosekuturi fejn se jagħtu rendikont tal-evidenza miġbura mill-Pulizija sakemm eventwalment waslu għall-akkużat.

Woods, li attwalment qiegħed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin priġunerija fuq attentat ta’ serq minn ġewwa ħanut fil-Gżira, qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih mill-Ispetturi James Grech u Jonathan Ransley.

Il-Pulizija kienu spjegaw li l-iżblokk f’dan il-każ seħħ fl-20 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet. Dakinhar kienu nstabu fdalijiet umani fis-sur tal-Belt, li mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li x’aktarx kienu ta’ mara, ta’ bejn l-20 u t-30 sena. 

Mir-riżultati tad-DNA, li ħarġu fit-13 ta’ Awwissu tal-2019, ġie stabbilit li dawn kienu ta’ Charlene Farrugia li kienet ġiet rappurtata nieqsa fis-6 ta’ Novembru 2008. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ssoktaw fejn komplew jiġu interrogati diversi persuni oħra li allegatament setgħu kienu involuti fl-għibien ta’ Farrugia. Il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet wasslu biex ġie stabbilit li l-allegat delitt kien seħħ f’appartament f’San Pawl il-Baħar.

Share With: