Imminenti hija l-ħatra ta’ Ralf Rangnick bħala coach ta’ Milan

Għalkemm għadu ma ħareġ xejn uffiċjali, kollox jinsab lest biex Ralf Rangnick jieħu post Stefano Pioli bħala l-coach il-ġdid ta’ AC Milan. Din l-aħbar kienet ilha ċċaqċaq u l-kap eżekuttiv tal-club Rossonero, Ivan Gazidis, kien ilu jiġri wara l-firma tiegħu. Dan tal-aħħar se jagħti fiduċja sħiħa lil Rangnick li apparti li jħarreġ lit-team, se jkun qed jieħu rwol ieħor interessanti ta’ direttur tekniku wkoll. Huwa mistenni jaħtar lil Marcus Schopp bħala l-viċi-coach tiegħu b’dan tal-aħħar ikollu esperjenza ma’ Brescia.

L-għan ta’ Rangnick se jkun dak li jagħmel lill-club ferm aktar kompetittiv wara li għal dawn l-aħħar snin kien hemm diżappunt wara l-ieħor bil-club li jonqos li jidħol f’xi kompetizzjoni Ewropea.

Dan kollu jfisser li Stefano Pioli se jkun qed iqatta’ l-aħħar ġimgħat jikkowċja lil Milan li għad għandhom l-objettiv li għall-inqas jiksbu post fil-UEFA Europa League tal-istaġun li ġej.

Share With: