Imnedjija l-fiera I Choose biex tagħti sapport u informazzjoni lil studenti tas-sena 11

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Dr Owen Bonnici nieda l-fiera I Choose li hija mmirata lejn l-istudenti kollha tas-sena 11 (Form 5) u se tkun qed tinvolvi stands għal post-sekondarja u istituzzjonijiet terzjarji ma’ edukaturi tal-iskola sabiex jipprovdu informazzjoni u sapport lil dawn l-istudenti.

Il-Ministru Bonnici spjega li: “l-informazzjoni u l-għajnuna li wieħed jistenna minn din il-fiera huma fuq il-korsijiet li joffru l-istituzzjonijiet u l-opportunitajiet ta’ karrieri li huma disponibbli.L-edukaturi tagħna se jkunu anke qed jipprovdu is-sapport li għandhom bżonn dawn l-istudenti sabiex jiddeċiedu fuq liema karriera huma jistgħu jagħżlu.Din se tkun opportunità oħra fejn l-istudenti tagħna jistgħu jesploraw għażliet post-sekondarji wara li jħallu l-edukazzjoni obbligatorja. L-avveniment I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi se jippermetti lill-istudenti tagħna sabiex jagħmlu għażliet infurmati fuq il-futur tagħhom.”

“L-avveniment se jkun qed jinkludi kull instituzzjoni post-sekondarja edukazzjonali. Il-Programm se jkun anke qed jinkludi il-possibiltà kemm għall-istudenti kif ukoll għall-ġenituri sabiex jattendu taħditiet differenti li se jitwasslu minn professjonisti f’diversi oqsma relatati. L-għan ġenerali ta’ dan l-avveniment huwa li jgħin lill-istudenti jegħlbu d-diffikultajiet u d-dubji relatati mal-karriera tal-futur tagħhom.” żied Dr Bonnici.

Se jkun hemm ukoll taħditiet informattivi għaddejjin matul il-jumejn li ser jingħataw minn kelliema ġejjin minn setturi differenti ta’xogħol u Edukazzjoni/Taħriġ.

L-istituzzjonijiet post-sekondarja li se jkunu preżenti huma;
– Aġenzija Żgħażagħ
– Direttorat għar-Riċerka, it-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Impjegabbiltà – Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
– Gem 16+
– Giovanni Curmi Higher skola sekondarja
– Institute of Tourism Studies (ITS)
– JOBSPLUS
– Malta Kulleġġ tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST)
– L-Istitut tal-Edukazzjoni Għolja ta’ San Martin
– Scholarships Unit – Ministeru tal-Edukazzjoni u xogħol
– Kulleġġ San Edward
– L-Università ta’ Malta u Junior College

Il-Fiera se ssir il-Grand Hotel Excelsior nhar il-Ġimgħa, 31 ta’ Lulju bejn l-16.00 u 20.00 u s-Sibt,1 t’Awissu bejn id-09.00 u 13.00.  Matul l-avveniment se jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Share With: