Inawgurati faċilijiet sportivi għall-padel f’Malta

Ftit tal-ġimgħat ilu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima inawgura faċilità sportiva ġdida f’Pembroke għall-isport ġdid tal-padel. Padel huwa wieħed mit-tipi ta’ sport li l-aktar qed jikber fid-dinja u jista’ jiġi spjegat bħala taħlita bejn tennis u squash. Differenza ewlenija meta mqabbla mat-tennis hi li l-ħitan li jdawru l-court jistgħu jintużaw fil-logħba (simili għal squash).

Waqt l-inawgurazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li b’dan l-investiment bosta familji se jgawdu minn dawn il-faċilitajiet sportivi ġodda. Clifton Grima qal li parti mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport qed tiffoka fuq li żżid il-parteċipazzjoni fl-attività fiżika u fl-isport. Il-gvern qed jaħdem b’mod kontinwu biex l-isport isir parti mill-ħajja tal-pubbliku ġenerali.

Padel Malta topera żewġ pitches state-of-the-art fil-qalba ta’ Pembroke. Dan huwa sport li jattira kemm tfal ta’ 3 snin kif ukoll anzjani ta’ 75 sena.

L-għan ewlieni ta’ Padel Malta hu mhux biss li joħolqu l-aqwa esperjenza ta’ padel f’Malta, imma li jaħdmu wkoll biex isibu u jedukaw l-aqwa talenti sabiex jirrapreżentaw lil Malta kemm f’kompetizzjonijiet lokali kif ukoll internazzjonali.

Fl-aħħar ftit snin, l-isport tal-padel sploda fil-popolarità b’aktar minn 13,000 pitchmadwar l-Ewropa. Fi Spanja huwa stmat li hemm 2 miljun plejer attiv u l-futbol biss huwa akbar minn padel. Fl-Iżvezja biss, iktar minn 100 pitch inbnew is-sena l-oħra u plejers famużi bħal Zlatan Ibrhimovic u Rafael Nadal għandhom il-klabbs tal-padel tagħhom stess.

Share With: