Inizjattiva ambizzjuża mmirata biex tnaqqas il-konsum tal-boroż tal-plastik

II-familji u n-negozji huma l-ikbar alleati tal-gvern lejn it-tranżizzjoni ekoloġika li għaddej minnha pajjiżna. Dan qed narawh bi prattiċi u b’inizjattivi ambjentali li qed isiru b’mod volontarju fosthom biex jonqos l-iskart tal-plastik iġġenerat.

Hekk qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt it-tnedija ta’ inizjattiva ambizzjuża mill-kumpanija Maypole Group, immirata biex tnaqqas il-konsum tal-boroż tal-plastik fil-ħwienet. Din l-inizjattiva se twassal biex jitnaqqas l-ammont ta’ boroż tal-plastik li jintużaw b’iktar minn miljun basket fuq perjodu ta’ 12-il xahar. 

Il-Ministru Farrugia faħħar din l-inizjattiva u ħeġġeġ kumpaniji privati biex ikunu minn ta’ quddiem u jippromwovu responsabbiltà soċjali korporattiva ambjentali, biex inaqqsu l-impatti li jħalli konsum insostenibbli bħal dak tal-plastik li jintuża darba biss fuq l-ambjent ta’ madwarna.

“Huwa ta’ sodisfazzjon għalija meta nara li x-xogħol, id-dedikazzjoni u l-impenn tal-ministeru jimxu id f’id ma’ proġetti u ma’ inizjattivi bħal dawn biex bħala pajjiż nimxu ’l quddiem b’mod sostenibbli u nagħmlu b’suċċess it-tranżizzjoni ekoloġika,” qal il-Ministru Farrugia. 

Il-ministru spjega li l-Gvern Malti qed jimplimenta diversi inizjattivi ambizzjużi kif imħabbar fil-Baġit 2020, fejn is-sena 2021 se tara l-projbizzjoni ta’ importazzjoni ta’ diversi tipi ta’ plastik li huma single-use, inklużi basktijiet tal-plastik. “Dan se jkun segwit minn projbizzjoni fuq il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-istess oġġetti fl-2022, għalhekk jippermetti perjodu tranżitorju għan-negozji. Inizjattivi bħal din minn Maypole iservu wkoll bħala punt ta’ importanza f’dan ir-rigward u jgħinu lill-pubbliku jaġġusta għal din it-tranżizzjoni.”

Żied jgħid li bħalissa għaddej xogħol biex aktar tard din is-sena tiġi implimentata l-miżura li tħabbret fil-baġit li permezz tagħha nħeġġu aktar ħwienet jallokaw spazji sabiex ibigħu prodotti alternattivi għall-plastik. “Dawn u miżuri oħra se jiġu introdotti f’pajjiżna permezz ta’ single use plastics products strategy għal Malta bil-għan li jsaħħu l-element ta’ konsum sostennibli f’pajjiżna. L-iskart tal-plastik kollu jibqa’ problema enormi li qiegħda dejjem tikber minħabba l-konsum tagħna. L-impatt huwa ikbar minħabba li l-baħar, b’mod partikolari, m’għandux fruntieri.”

Share With: