Ippreżentat iċ-ċertifikati tal-kors ‘Jien Nappartjeni’

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar ippresediet iċ-ċerimonja tal-għotja taċ-ċertifikati tal-kors ‘Jien Nappartjeni’ fl-Università ta’ Malta.

Il-kors ‘Jien Nappartjeni’ huwa offrut mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal- Università ta’ Malta u mal-MCAST bl-għan li jassisti persuni ta’ nazzjonalità mhux Maltija, minn kull qasam tal-ħajja, li jiddeċiedu jibnu l-futur tagħhom f’Malta b’ħiliet li jkunu jistgħu jintegraw aħjar fis-soċjetà Maltija.

Fil-messaġġ tagħha s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li permezz ta’ dan il-kors l-istudenti issa jistgħu jifhmu aħjar il-lingwa u t-tradizzjonijiet Maltin. Tenniet li grazzi għat-tagħlim li rċevew, se jkunu jistgħu jagħtu kontribut iktar siewi lis-soċjetà u lill-ekonomija li huma jagħmlu parti importanti minnha.

Fakkret ukoll li matul l-aħħar snin, il-gvern ħadem bi sħiħ biex id-drittijiet tal-bniedem ikunu protetti bil-liġi u anke fil-prattika.

Is-segretarju parlamentari kkonkludiet billi rringrazzjat lill-Università ta’ Malta kif ukoll lid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u lil dawk kollha li appoġġaw lill-istudenti matul dan il-kors.

Share With: