“Is-sitwazzjoni tas-salvataġġi fil-Mediterran ma tjibitx imma marret għall-agħar”

Il-kaptan Carola Rachete, fl-ewwel anniversarju minn meta hi daħlet f’Lampedusa bla awtorizazzjoni

Minn – VICTOR VELLA

Kien proprju sena ilu meta l-kaptan tal-bastiment Sea Watch 3, daħlet fil-port ta’ Lampedusa mingħajr awtorizazzjoni tal-Gvern Taljan.  Dan il-bastiment jiem qabel kien salva 53 immigrant li kienu telqu mil-Libja fil-vjaġġ lejn l-Ewropa. Dak inhar il-Ministru tal-Intern, Matteo Salvini, irrifjuta li jagħti permess li l-bastiment jidħol f’port Taljan. L-immigranti spiċċaw għamlu ġimagħtejn fuq il-baħar. Meta s-sitwazzjoni iddeterjorat, Carola iddeċidiet li ddaħħal il-bastiment f’Lampedusa.  Ittieħdu passi kriminali kontriha imma f’Jannar ta’ din is-sena, il-qorti suprema Taljana ddeċidiet li l-arrest ta’ Carola ma kienx ġustifikat. Sena wara, il-kaptan Carola Rackete, qed issostni li fejn tidħol l-immigrazzjoni u s-salvataġġi, is-sitwazzjoni ma tjibitx anzi marret għall-agħar. 

F’messaġġ li ħarġet proprju f’dan l-anniversarju, il-kaptan Rachete qalet li “sena ilu dħalt fil-port ta’ Lampedusa mingħajr awtorizazzjoni. Dan wara li konna salvajna 53 persuna u wara li l-Ewropa kollha qagħdet tħares għal ġimagħtejn sħaħ. Kellna nieħdu dan il-pass ta’ salvataġġ, għax l-Unjoni Ewropea kienet irtirat il-bastimenti kollha, u dan minkejja li kienet taf li hemm immigranti li se jaqsmu minħabba l-kunflitt fil-Libja. L-ekwipaġġ tagħna kien se jkun fuq il-baħar u aħna nafu li d-drittijiet umani huma universali  u l-liġi marittima  ma tagħtix kas x’passaport ikollok.  Jien ħassejt li kellna nkunu fuq il-baħar mhux biss biex inwettqu s-salvataġġi imma anke bħala sinjal ta’ reżistenza kontra r-razziżmu strutturat fl-awtoritajiet Ewropej”.

Tisħaq li “ir-razziżmu strutturat hu problema anke fl-Unjoni Ewropea u mhux fl-Istati Uniti biss. Jekk il-moviment ‘Black Lives Matter’ qed jitlob li jiżżarmaw dipartimenti tal-Pulizija , aħna għandna nitolbu li tiżżarma l-Frontex. Il-kunċett sħiħ ta’ din l-aġenzija hu li tinfurza l-politika fil-fruntieri tal-Istati Ewropej. Sa din il-ġimgħa stess osservajna ajruplan jikkordina ‘pushbacks’ illegali lejn il-Libja.”

Tenfasizza li “rrid nirrimarka li minkejja l-bidla fil-koalizzjoni tal-Gvern Taljan, b’mod fundamentali ma inbidel xejn. Jekk kien hemm bidla kienet dik li l-affarijiet mhux tjiebu imma marru għall-agħar. Malta waħda minnhom imma anke pajjiżi oħra Ewropej fosthom il-Ġermabnja fejn dawn qed jużaw il-pandemija  bħala skuża biex jabbandunaw id-drittijiet umani u jieqfu josservaw il-liġi tal-baħar. Fl-Għid il-Kbir, kellna immigranti li għamlu jiem fuq il-baħar u bil-Gvern Malti jikri imbagħad bastimenti u jpoġġihom fuqhom. Hemm stati oħra Ewropej bħal Spanja, l-Italja, l-Olanda u l-Ġermanja li qed jagħmluha diffiċli biex jitwettqu missjonijiet ta’ salvataġġ. Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu jafu li dawn l-immigranti li qed jegħrqu,  mhumiex vittma ta’ inċident jew diżastru naturali. Dawn qed jegħrqu għax l-Unjoni Ewropea qed iċċaħħadhom minn aċċess għal rotot siguri u għalhekk mhu titħalla ebda għażla ħlief li jsiru l-vjaġġi bil-baħar”.

Tisħaq li “bħala ċittadini irridu naraw li tieqaf din il-politka.  Irridu naraw li l-fortizza Ewropea titneħħa. Din qed twassal biex il-vulnerabbli qed jispiċċaw jegħrqu.”

Share With: