It-tmiem il-ġimgħa li għadda kien l-aktar wieħed fit-totalità li ħarġu nies

Id-Deputat President tal-Malta Chamber of SMEs: Għandna nibqgħu kawti iżda l-ewwel indikazzjonijiet juru li bdejna niċċaqalqu

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

Ma’ kull jum li jgħaddi bdiet tiżdied il-kunfidenza fl-ekonomija l-ġdida tant li tmiem il-ġimgħa li għadda kien l-aktar wieħed li fit-totalità tiegħu ħarġu nies. Dan ġie kkonfermat mid-Deputat President tal-Malta Chamber of SMEs Philip Fenech f’kummenti li ta lil inewsmalta fejn saħaq li għandna nibqgħu kawti u saqajna mal-art pero tajjeb li niftakru li t-turiżmu f’Malta kellu jerġa’ jibda minn żero wara waqfa ta’ diversi ġimgħat fejn l-ajruport u l-portijiet kienu magħluqa, ħlief għal titjiriet kummerċjali jew ta’ ripatrijazzjoni, imma mill-ewwel indikazzjonijiet li għandhom din is-sitwazzjoni bdiet tiċċaqlaq.

Huwa qal li tajjeb li niftakru wkoll li mhux kull passiġġier mill-ajru u l-baħar kienu kollha turisti hekk kif kien hemm element ta’ nies li rritornaw lura f’pajjiżna jew dawk li ġew għax-xogħol pero żied jgħid li minkejja li għaddiet biss ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-ajruporti u l-portijiet, minn rapporti li għandhom anke mill-ħwienet, sidien tan-negozji bdew jaraw uċuħ ġodda ta’ turisti. 

Fenech qal, “Dan huwa sinjal pożittiv li qed nibdew nirrankaw bil-mod minkejja li għandna nibqgħu saqajna mal-art u nimxu b’mod kawt. Ninsabu ħerqana li ladarba jibdew jitqassmu l-vouchers li l-Gvern ħabbar fil-pjan ta’ riġenerazzjoni, is-suq lokali jidħol f’dik li tissejjaħ it-tieni fażi li kulma jmur qed jibqa’ jissaħħaħ. Ovjament aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar se jkun hemm nies li jżuru l-gżejjer tagħna u minnhom se jkun hemm persentaġġ ogħla ta’ turisti li jżuru pajjiżna.”

Id-Deputat President tal-Malta Chamber of SMES qal li jifhem li għadu kemxejn kmieni biex wieħed jara l-andament fit-totalità tiegħu u biex inkunu sostenibbli se jgħaddi ċertu żmien peress li pajjiżna jiddependi ukoll minn kif tiżviluppa s-sitwazzjoni barra minn Malta u l-kunfidenza fis-suq mingħand il-barranin. Huwa qal li iktar ma l-postijiet fl-Ewropa ikomplu jipprovaw irażżnu kemm jistgħu s-sitwazzjoni marbuta mal-Covid-19, se jkun hemm aktar kunfidenza fis-suq u t-turiżmu jkun jista’ jkun iktar pożittiv filwaqt li osserva li anke min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin kulħadd qiegħed attent biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji.

“Element importanti li tajjeb li wieħed isemmi huwa l-kampanja sħiħa ta’ reklamar li tibda tintensifika ruħha kemm mis-settur privat u kemm mill-Gvern u dan huwa importanti biex anke pajjiżna jkompli jikseb viżibilità b’mod internazzjonali,” qal Fenech.

Fejn min-naħa tas-settur privat dawn qed jagħmlu minn kollox biex jilħqu n-niċċa tagħhom biex jattiraw aktar nies biex jużaw is-servizzi tagħhom, il-Gvern ukoll qed jagħmel il-parti importanti tiegħu fost ħafna mill-miżuri li qed jagħmel anke min-naħa tal-Ministeru tat-Turiżmu u l-MTA li qed jaħdmu ma’ kumpaniji tal-ajru u qed jagħmlu marketing f’ħafna niċeċ. Fenech semma’ li fatt importanti ieħor huwa li f’Settembru se jkun imtella’ Music Festival u huwa pożittiv li rnexxielna nakwistaw dan l-investiment biex ikun jista’ jsir f’pajjiżna. 

Fenech innota li ż-żmien tal-għeluq seta’ jiddawwar ukoll b’mod pożittiv fejn stajna naraw minn naħa ta’ Gvern li ħadem bi sħiħ biex isir aktar xogħol bħal dak fit-toroq fejn setgħu jsiru avvanzi fil-proġetti b’mod aktar mgħaġġel u fl-istess waqt dak l-investiment u xogħol ieħor li beda minn qabel żmien il-Covid-19 baqa’ għaddej. Minn naħa l-oħra bosta kienu dawk in-negozji li dawru din l-isfida tal-għeluq f’oppportunità fejn setgħu jagħmlu l-arranġament fl-istabilimenti tagħhom biex issa għandhom prodott tagħhom lest biex jilqgħu l-klijenti u prodott iktar b’saħħtu.

Id-Deputat President tal-Malta Chamber of SMEs Philip Fenech

Share With: