Jamie Vardy jilħaq il-100 goal fil-Premier

Jamie Vardy daħal fil-Club tal-100 tal-Goals meta skor­ja l-100 goal tiegħu fil-Premier League fil-logħba li fiha Leicester City kisbu l-ewwel rebħa tagħhom minn meta reġa’ beda l- kampjonat li fiha għelbu ail Crystal Palace 3-0 nhar is-Sibt li għadda biex ikompli jmexxihom lejn staġun ieħor ta’ football fiċ-Champions League.

Leicester ħasdu lil Palace mill-ewwel suffara hekk kif id-difensur James Justin laqat il-mimduda kmieni, iżda kien meħtieġ li tasal ir-raba’ minuta tat-tieni taqsima biex Kelechi Iheanacho finalment ipoġġi lill-Foxes minn fuq.

Vardy qata’ figura frustrata hekk kif kien qed ifittex li jsir id-29 player li jiskorja 100 goal fl-ogħla diviżjoni Ingliża, meta kien ikollu l-ballun taħt saqajh biex jaħtaf xi opportunitajiet deċenti hekk kif kien qed jiġri wara l-marka tal-istorja.

Wara li falla ċans faċli, mat-tieni darba Vardy ma żbaljax meta Harvey Barnes sabu f’pożizzjoni tajba fis-77 minuta u kull ma kellu x’jagħmel kien li jitfa’ fix-xibka bla tbatija. L-attakkant ta’ 33 sena deher kuntent hekk kif iċċelebra fil-King Power Stadium vojt.

Vardy żied it-tieni goal sekondi fil-ħin miżjud biex għamilhom 3-0, meta ġera bil-ballun min-nofs il-ground u bil-kalma kollha tefgħu wara l-goalkeeper Vicente Guaita.

“Jiena se nistenna sa tmiem l-istaġun meta nkun nista’ nirrifletti fuq l-affarijiet, meta tliet ijiem oħra għandna logħba oħra.

“Jiena dejjem inkun frustrat jekk nitlef xi ċans, trid tiskorja goals kemm tista’, iżda biex tikseb iż-żewġ għanijiet u t-tliet punti huwa dak kollu li tista’ titlob,” tenna Vardy.

Share With: