Jibqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’hold-up minn ħanut f’Birkirkara

Hamdi Habib Mohammed Shedi, Tuneżin ta’ 34 sena residenti fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li f’April li għadda wettaq hold-up minn stabbiliment f’Birkirkara. 

Huwa ġie mixli li fit-22 ta’ April seraq €600 mill-istabbiliment Phonerefix li jinsab fi Triq Dun Gejtanu Mannarino, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha u li kellu sikkina fil-pussess tiegħu. 

Fil-Qorti ngħad li Shedi bħalissa jinsab taħt arrest preventiv fil-ħabs fuq każ ieħor ta’ attentat ta’ serq, li seħħ ftit tal-jiem wara. 

Nifhmu li l-Pulizija rnexxielha tasal għall-imputat wara li fliet b’reqqa filmati mill-kameras tas-sigurta u rnexxielha tagħmel  ix-xebh meħtieġ fil-każi. Huwa mifhum ukoll li l-imputat kien qed joqgħod fl-istess inħawi fejn seħħet l-allegata serqa. 

Shedi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri u Lydon Zammit. L-Avukat Christopher Chircop deher għall-imputat.

Share With: