Jibqgħu fiduċjużi li Comodini Cachia se tkun maħtura bħala Kap tal-Oppożizzjoni

Fi stqarrija maħruġa mid-19 il-Membru tal-Grupp Parlamentari tal-PN intitolata “Tama ġdida għal pajjiżna u għall-Partit Nazzjonalista” huma xerrdu messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk li dejjem taw appoġġ lill-Partit Nazzjonalista u lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba.

L-istqarrija tgħid li matul l-aħħar jiem rajna eluf ta’ nies jesprimu tama ġdida li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun immexxi minn persuna li tassew tirrappreżenta l-prinċipji u l-valuri li matul is-snin li pajjiżna kien immexxi mill-Partit Nazzjonalista għamlu minn pajjiżna wieħed demokratiku, modern u Ewropew.

Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jaraw, jisimgħu u jħossu wkoll is-sens ta’ inkwiet tat-tesserati dwar is-sitwazzjoni li għaddej minnha bħalissa l-Partit Nazzjonalista. Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jiżguraw li f’kull deċiżjoni li ħadu u f’kull deċiżjoni li għad iridu jieħdu jpoġġu dejjem l-interessi tat-tesserati, tal-Partit kif ukoll tal-pajjiz fuq quddiem nett. Huma jifhmu li bħala Membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista huma ġew eletti fil-Parlament bil-vot tagħhom u tal-bqija tal-elettorat Nazzjonalista u għalhekk ser jibqgħu jinsistu biex isaħħu l-Partit Nazzjonalista u jagħmluh Oppożizzjoni xierqa u b’saħħitha għal pajjiżna.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-iżviluppi li seħħew matul il-jiem li għaddew juru kif l-elettorat li dejjem ta appoġġ lill-Partit Nazzjonalista jinsab ħerqan għall-bidla meħtieġa biex pajjiżna jkollu Oppożizzjoni mmexxija minn persuna ta’ integrità, serja, onesta u kredibbli li tpoġġi l-interess nazzjonali u tal-Partit Nazzjonalista qabel l-interessi personali tiegħu.

Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista għandhom fiduċja sħiħa li l-mekkaniżmu li tipprovdi l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna ser jwassal biex Therese Comodini Cachia tiġi maħtura mill-President bħala Kap tal-Oppożizzjoni skont l-għażla unanima tad-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-istqarrija, id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu li mhux ser jaqtgħu qalbhom quddiem l-isfidi li għandhom quddiemhom u ser ikomplu jagħmlu l-almu kollu tagħhom fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista, fil-Parlament u direttament mal-elettorat sabiex pajjiżna jerġa’ jkollu Oppożizzjoni b’saħħitha.

Għalhekk id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed iwasslu messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk kollha li dejjem taw appoġġ lill-Partit Nazzjonalista u lill-Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba.

Tennew jgħidu li s-sewwa jerbaħ żgur.

Share With: