Jiddispjaċiha li għamlet abort iżda tibqa’ favur … “Xorta waħda nagħti s-sostenn tiegħi lil nisa oħra, tkun xi tkun l-għażla tagħhom”

Minn ANTHEA CACHIA

“Għamilt abort iżda jiddispjaċini. Minkejja dan, xorta nibqa’ favur u l-Maltin għandhom ikollhom aċċess għal abort legali u sigur mingħajr ma jkollhom għalfejn isiefru lil hinn minn xtutna.”

Dawn huma kliem ta’ mara li kienet “itterrorizzata u sfurzata” minn ommha stess biex tagħmel abort. Din l-istorja ġiet irrappurtata mis-sit #BreakTheTaboo, blog li jaqsam l-esperjenzi ta’ nisa li għamlu l-abort. 

Din kienet l-ewwel darba li dan il-blog qasam esperjenza ta’ mara li ddispjaċiha li għamlet abort. Huma jisħqu li bħal m’huwiex ġust li persuna tiġi sfurzata li żżomm it-tarbija m’huwiex ġust li persuna tiġi sfurzata li tagħmel abort. 

Il-mara spjegat kif hija la kellha edukazzjoni, la kellha mpjieg, la kellha flus, la kellha għarus, u lanqas saqaf fuq rasha u għaldaqstant hija ħassitha qisha ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tagħmel abort u għalhekk marret fir-Renju Unit biex twaqqaf it-tqala. 

Din il-persuna kompliet tgħid kif illum il-ġurnata, kważi għoxrin sena wara, għadha taħseb fuq din it-tarbija, bl-għajnuna tat-terapija.  “Illum, aċċettajt dak li ġara, “u għalkemm l-istorja tiegħi hija waħda ta’ dispjaċir, xorta nibqa’ ngħid li jiena pro-choice.” 

“L-istigma li hawn dwar l-abort kienet il-kawża li żammejt dak li ġara bħala sigriet tul is-snin. Sal-lum stess huma ‘l ftit li jafu u meta naqra l-kummenti tan-nies veru nweġġa’,” kompliet tgħid din il-mara. Filwaqt li spjegat li kawża tal-istigma stess hija naqset milli tfittex għajnuna professjonali, u minħabba f’hekk, “ġarrejt niket u kelli dispjaċir kbir għal ħafna żmien, mingħajr ma kelli għalfejn.”

Hija temmet tgħid li minkejja li “ma nirrakomandax li mara tagħmel abort, xorta waħda nagħti s-sostenn tiegħi lil nisa oħra, tkun xi tkun l-għażla tagħhom.” 

Share With: