Jiġi fi tmiemu l-programm Young Parliamentarians

Waqt ċeremonja, disa’ skejjel u 40 student ġew premjati b’ċertifkat talli temmew b’suċċess il-programm Young Parliamentarians, mtella’ minn Aġenzija Żgħażagħ. Dan il-programm jagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jirrappreżentaw l-iskejjel rispettivi tagħhom f’kompetizzjoni ta’ dibattitu #ejjewniddibattu.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima qal li Aġenzija Żgħażagħ tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha li tikkontribwixxi biex iż-żgħażagħ jakkwistaw l-aktar ħiliet importanti għas-seklu 21, speċjalment dawk li jgħinuhom jirriflettu u janalizzaw x’qed jiġri madwarhom.

“Permezz tal-programm Young Parliamentarians, studenti mid-disa’, għaxar u ħdax-il sena tas-sekondarja setgħu jitħarrġu fl-użu ta’ dawn il-ħiliet fl-isfond ta’ programm imfassal fi tliet fażijiet fl-arti tad-dibattitu formali. L-istudenti setgħu jifhmu aktar xi tfisser ċittadinanza attiva, kif ukoll kif jitħaddem il-proċess demokratiku,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.

Dan il-programm jitmexxa fi tliet fażijiet. L-ewwel żewġ fażijiet huma opportunitajiet ta’ taħriġ biex iħejju liż-żgħażagħ b’ħiliet, bil-għan li jippreżentaw l-ideat tagħhom u jiddibattuhom quddiem l-isfida finali #ejjewniddibattu. It-tielet u l-aħħar fażi tintemm f’kompetizzjoni ta’ dibattitu bejn l-iskejjel parteċipanti, bl-iskola rebbieħa tirċievi t-trofew tal-Youth Parliamentarians u premju ta’ €750 filwaqt li r-runner up jirċievi s-somma ta’ €250.

Minħabba li dan it-taħriġ żvolġa waqt il-pandemija tal-Covid-19, taw lil parteċipanti l-opportunita’ li jifhmu l-bżonn tal-bidla u l-flessibilità minħabba li l-programm beda b’sessjonijiet fl-iskejjel rispettivi imma ngħalaq b’dibattiti fuq pjattaforma virtwali bejn l-istudenti li waslu sal-aħħar fażi.  Wara s-suċċess ta’ din is-sena, l-applikazzjonijiet għas-sena d-dieħla jerġgħu jiftħu mas-sena skolastika 2020/21.

Share With: