Jikbru t-tensjonijiet fil-baħar tan-nofsinhar taċ-Ċina… l-Istati Uniti b’żewġ aircraft carriers biex juru s-saħħa tagħhom

Minn MELVIN FARRUGIA

Għall-ewwel darba f’sitt snin, l-Istati Uniti poġġew żewġ aircraft carriers fil-baħar tan-nofsinhar taċ-Ċina u dan biex juru l-qawwa militari tagħhom, waqt li jmorru kontra ċ-Ċina f’li tieħu dan ir-reġjun taħt il-poteri tagħha.  

Iż-żewġ bastimenti waslu fir-reġjun, fl-istess waqt li ċ-Ċina temmet l-eżerċizzju navali tagħha qrib numru ta’ gżejjer ikkontestati. Jidher li taħt l-isem ta’ Nimitz Carrier Strike Force, il-bastimenti Amerikani USS Nimits u l-USS Ronald Reagan wettqu diversi eżerċizzji tattiċi li jimmassimizzaw d-difiża bl-ajru u jestendu l-attakki marittimi minn ajruplani fuq il-bastimenti. 

Ta’ min wieħed ifakkar li matul din is-sena r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina marru għall-agħar. Minħabba f’hekk, l-Amerika żiedet l-operazzjonijiet tagħha fil-baħar tan-nofsinhar taċ-Ċina permezz ta’ operazzjonijiet qrib il-gżejjer immexxija miċ-Ċiniżi, b’titjiriet minn bombers tal-Forzi Armati Amerikani u operazzjonijiet navali ma’ msieħba bħall-Ġappun u Singapore.  

Iżda dak li seħħ matul tmiem il-ġimgħa, bid-dħul ta’ dawn iż-żewġ aircraft carriers li jifilħu aktar minn 60 ajruplan kull wieħd u li kienu akkumpanjati minn bastimenti tal-missili u destroyers, kienet tfisser li l-Amerikani mhux se jħallu xi ħaġa milli tibqa’ għaddejja f’dan ir-reġjun. 

Min-naħa tagħha, iċ-Ċina ddeskriviet din il-preżenza Amerikana bħala waħda li distabbilizza.

Share With: