Jinstab raġel bi ġrieħi gravi f’Ħaż-Żebbuġ

Illum, għall-ħabta tat-8:30 a.m, il-Pulizija ġew infurmati permezz ta’ telefonata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ minħabba li kien hemm persuna feruta mixħuta fl-art. 

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u hemm instab raġel b’numru ta’ ġrieħi li kien qiegħed jingħata l-assistenza minn xi persuni li nzertaw fl-inħawi. 

Għaldaqstant, fuq il-post issejaħ tim mediku u ambulanza ħadet lill-vittma, li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa, l-Isptar Mater Dei għal iżjed attenzjoni medika. Hemmhekk, hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. 

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ sabiex tiġi stabbilità d-dinamika tal-każ, li qed jiġi ttrattat bħala hit and run. 

Kull min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjonijiet huwa mħeġġeġ jgħaddiha lill-pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numru 119 jew 2122 4001.

Share With: