Jitolbu biex Karim Benzema jgħaddi ġuri fuq rikatt ta’ tape sesswali

L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Versailles talab li l-attakkant ta’ Real Madrid, Karim Benzema, jgħaddi ġuri għall-parti tiegħu f’tentattiv ta’ rikatt dwar is-sess.

L-avukat ta’ Benzema, Sylvain Cormier, ikkonferma l-aħ­bar f’intervista ma’ EFE, kif irrappurtat minn Marca, u għandu x’jaqsam mal-allegat involviment tiegħu fir-rikatt tal-ex kollega internazzjonali tiegħu ta’ Franza, Mathieu Valbuena.

Ġie allegat li l-istilla ta’ Madrid aġixxa bħala intermedjarju bejn grupp ta’ rikattaturi u Valbuena, li dehru f’filmat irreġistrat ta’ natura sesswali.

Jingħad li Benzema ħeġġeġ lil Valbuena biex iħallas it- talbiet tar-rikattaturi, u dan ġie rifjutat, u l-attakkant ta’ Madrid ġie mkeċċi mill-iskwadra internazzjonali ta’ Franza mill-coach Didier Des­champs.

L-avukat ta’ Benzema, Cormier, qal: “Din mhix sorpriża, l-Avukat Ġenerali kien involut ħafna f’din il-kwistjoni u għalhekk stennejna li jitlob li jmur għall-proċess, għalkemm l-akkużi mhu­miex ibbażati fuq ir-realtà.”

L-ex attakkant ta’ Liverpool, Djibril Cisse, kien involut ukoll fl-investigazzjoni ma’ Karim Zenati, ħabib tat-tfulija ta’ Benzema u tliet persuni oħra.

Allegatament Cisse naqas fit-tentattivi tiegħu biex jikkonvinċi lil Valbuena u għalhekk il-gang imbagħad mar għand Benzema, billi uża lil Zenati bħala r-rabta reċiproka.

F’Diċembru, il-Qorti Suprema fi Franza ċaħdet appell minn Benzema li l-provi kontrih kienu miġbura llegalment.

Share With: