Jitressaq il-Qorti mixli li seraq mutur minn Għawdex

Ġuvni ta’ 19-il sena residenti Santa Venera tressaq b’arrest il-Qorti t’Għawdex b’rabta ma’ serqa f’Kerċem Għawdex. Il-ġuvni ġie arrestat ilbieraħ wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti flimkien mal-Pulizija tad-Distrett f’Għawdex.

L-investigazzjonijiet bdew nhar l-20 ta’ Ġunju, 2020, wara li l-Pulizija ġew infurmati li kien insteraq mutur tal-għamla Honda minn Triq Qasam San Ġorġ, Kerċem, Għawdex. Mill-istħarriġ li għamlu l-Pulizija, il-ġuvni ġie identifikat bħala l-allegat ħalliel u ġie arrestat.

Intant il-Pulizija llum ressqet lill-ġuvni l-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech, fejn ġie akkużat b’din is-serqa. 

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Bernard Charles Spiteri. 

Share With: