John Woods mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia fl-2008

John Woods tressaq il-Qorti taħt arrest mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia fl-2008. Il-fdalijiet ta’ Farrugia nstabu f’xelter fil-Belt Valletta s-sena li għaddiet.

Woods, ta’ 40 sena, ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih.

Farrugia, li kienet taħdem bħala carer, kienet għebet f’Novembru tal-2008. Ħdax-il sena wara, fl-20 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet, il-pulizija rnexxielha tiżblokka l-każ waqt li kienet qed tinvestiga hold-up minn ħanut fil-Gżira.

Woods kien qal li qatel lill-mara ta’ 25 sena, qattagħha f’biċċiet, u li kien ħbieha fix-xelter. Il-karozza tagħha nqabdet minn kameras tas-sigurtà dieħla fil-Belt Valletta, iżda qatt ma dehret ħierġa.

Huwa ħa lill-pulizija fix-xelter fejn il-pulizija eventwalment kienu sabu l-fdalijiet tal-mara.

Woods attwalment qed iservi sentenza ta’ seba’ snin priġunerija fuq attentat ta’ serq u ksur tal-probation.

Share With: