Karol Aquilina jallega abbużi f’każi ta’ xiri ta’ ċittadinanza

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina allega fil-Parlament li jaf bi 58 każ fejn persuni li xtraw ċittadinanza ma kinux kapaċi iġibu ċertifikat tat-twelid.

Aquilina tenna li “dan juri li d-due diligence li jingħad li qed issir hi fake”. Żied jgħid li dawn mhumiex persuni li ġejjin minn xi żoni ta’ gwerra imma ġejjin minn pajjiżi bħaċ-Ċina, ir-Russja u l-Arabja Sawdija.

Huwa attakka lill-gvern u saħaq li dan irid jerfa’ responsabbiltà għal dan.

“Kif jista’ xi ħadd jixtri ċittadinanza jekk mhux kapaċi jġib ċertifikat tat-twelid?” qal Karol Aquilina.

Intant id-Deputat Nazzjonalista saħaq li għandu jkun hemm aktar trasparenza fejn jirrigwarda lil dawk li jixtru ċ-ċittadinanza. Hu ippropona li l-ismijiet għandhom jiġu pubblikati fil-bidu nett tal-proċess.

Hu enfasizza li kien hemm każijiet ta’ persuni li xtraw ċittadinanza Maltija, u li llum huma akkużati bi frodi fl-Istati Uniti. Qal li saħansitra hemm min għandu każijiet f’żewġ pajjiżi b’persuna għandu każijiet fl-Istati Uniti u f’Iżrael.

Share With: