Kunsill tal-MFA: Ikkonfermata l-liċenzja tal-UEFA ta’ Floriana

Hekk kif it-Tlieta fil-għaxija saret il-Laqgħa tal-Kunsill tal-Malta Football Association tħabbru diversi temi ferm interessanti, id-diskussjoni kkonċentra l-iktar fuq il-clubs Maltin li se jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej tal-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League kif ukoll xi suġġetti oħra relatati mat-team nazzjonali u l-kampjonat.

Il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo ħabbar, li l-bord tal-liċenzji ikkonferma li se jkunu Floriana FC li se jipparteċipaw fil-UEFA Champions League bħala t-team li rebaħ it-titlu fl-istaġun li għadda. Hu qal li din id-deċiżjoni ttieħdet mill-bord u li kienet waħda unanima. 

Din id-deċiżjoni setgħet ma ġietx milqugħa tajjeb minn xi clubs li baqgħu joġġezzjonaw wara li qalu li kien hemm irregolaritajiet finanzjarji f’dan ir-rigward. Madankollu ġie kkonfermat li l-liċenzja biex il-Greens jieħdu sehem f’din l-ogħla kompetizzjoni Ewropea nħarġet b’mod validu skond ir-regolamenti kollha tal-UEFA.

Wara din id-deċiżjoni Floriana se jkunu qed jipparteċipaw fl-ewwel round ta’ din il-kompetizzjoni li se jintlagħab bejn it-18 u d-19 ta’ Awwissu. Din id-darba kuntrarju għal snin oħra, dan l-ewwel round se jkun fuq leg wieħed fejn it-team li jitla’ l-ewwel fil-polza se jkollu d-dritt jilgħab il-logħba f’daru. B’rebħa Floriana jistgħu javvanzaw għal round ieħor filwaqt li b’telfa, huma jkomplu l-avventura tagħhom fil-UEFA Europa League.

L-MFA ġiet infurmata mill-istess kunsill li Floriana, Valletta, Hibernians u Sirens, li huma t-timijiet Maltin rappreżentanti fl-Ewropa għandhom id-dritt li jilagħbu l-logħbiet tagħhom f’darhom  fin-National Stadium jew inkella fis-Centenary Stadium. Fl-istess waqt dawn it-timijiet jistgħu jagħmlu s-sessjonijiet ta’ taħriġ tagħhom fis-Centenary Stadium jew inkella fir-Training Grounds, f’Ta’ Qali.

Sadanittant l-MFA ħabbret li proprju nhar it-Tnejn bdew isiru diversi korsijiet għall-ewwel għajnuna li tant huma importanti għal li jista’ jinqala’. Dawn qed isiru f’Pembroke kif ukoll fl-Istadium Nazzjonali kemm bil-lingwa Maltija kif ukoll b’dik Ingliża. Dan kollu qed iseħħ wara li saru xi emendi fl-istatut li fih hemm miktub abjad fuq l-iswed li għal kull logħba kompetittiva li sseħħ mill-kampjonati Maltin kull club irid jipprovdi persuna ċċertifikata fl-ewwel għajnuna.

Aktar tard fil-laqgħa sar magħruf li, fid-29 ta’ Lulju, li ġej, se ssir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA fejn hemmhekk se jkun hemm ukoll l-għoti tal-premjijiet individwali mogħtija kull sena minn din l-Assoċjazzjoni. Dawn huma l-Player tas-Sena, l-aqwa player u l-aqwa skorer ta’ kull diviżjoni mill-Kampjonat Premier sat-Tielet Diviżjoni.

F’din l-istess laqgħa sar magħruf dwar f’hiex wasal il-proċess ta’ screening mediku li huwa fundamentali biex it-timijiet nazzjonali jkunu jistgħu jerġgħu jibdew is-sessjonijiet ta’ taħriġ. Fil-fatt kull player magħżul u li se jkun qed jattendi għal dawn is-sessjonijiet kif ukoll membri oħra tal-istaff qed jiġu ttestjati filwaqt li jkollhom ukoll test kardjo-vaskulari.

Ingħata wkoll dettall dwar proċess importanti fejn it-tliet players magħżula mill-coach tat-team nazzjonali, Devis Mangia, jiġifieri Amadou Samb, Mario Fontanella u Enrico Pepe, saritilhom applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija b’mertu. Jekk kollox jimxi kif suppost dawn ikunu jistgħu jiffurmaw parti mit-team nazzjonali Malti għall-impenji futuri. Intqal ukoll li qed issir riċerka fuq l-eliġibbiltà ta’ xi players oħra li għandhom dixxendenza Maltija.

Finalment il-president Vassallo sellem il-memorja ta’ Pawlu Falzon li ħalla din id-dinja fil-bidu tax-xahar li għadda. Falzon kien ex president ta’ Luxol St Andrew’s  li miet fl-etá ta’ 73 sena. 

Vassallo fisser lil Falzon bħala amministratur leali u li ta servizz kbir lill-football Malti in ġenerali.

Share With: