Kunsillieri favur Delia jirreferu għall-vot tal-lum u għada bħala ċans li titwarrab darba għal dejjem il-politika ta’ mibegħda

Grupp ta’ kunsillieri fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qed iħeġġu lill-kunsillieri kollha tal-PN biex jivvotaw biex titkompla l-ħidma li li saret taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia.

Andre Grech, Janice Chetcuti, Doriana Portelli, Anton Debono, u Nicole Zammit – il-kunsillieri li ħarġu l-istqarrija – qalu wkoll li mix-xhieda tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa fis-seduta ta’ dalgħodu tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ħareġ li m’hemmx evidenza ta’ ħlas bejn Yorgen Fenech u l-Partit Nazzjonalista biex huwa ma jiġix elett għall-Parlament Ewropew.

“Din kampanja qarrieqa u maħmuġa minn wara dahar il-Kap tagħna Adrian Delia maħdmuma mill-klikka tad-Deputati elitisti,” tennew il-kunsillieri li żiedu jgħidu li “din il-ħadma għamluha eżatt fiż-żmien meta l-Awditur Ġenerali ħareġ rapporti li jippruvaw il-ħmieġ fir-rigward tat-tliet sptarijiet u fl-istess ġranet meta l-Kap tagħna għamel passi kbar ‘il quddiem fil-kawża li hu waħdu fetaħ fil-Qorti biex iġibilna lura dawn l-isptarijiet.”

Il-kunsillieri jżidu jtemmu li l-votazzjoni li se tkun qed tiġi fi tmiemha għada u li se tkun qed tiddetermina l-futur tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, se tkun qed toffri ċ-ċans li titwarrab darba għal dejjem il-politika ta’ mibegħda.

Share With: