“Kuntenti li għażilna lil Malta għall-vaganza tagħna”

Turista mill-Ġermanja tisħaq li ħassitha sigura fl-ewwel vjaġġ tagħha fil-gżejjer tagħna

Turista mill-Ġermanja, Julia, kellha biss kliem ta’ tifħir wara l-ewwel darba li żaret il-gżejjer tagħna u qalet li tinsab tassew kuntenta li għażlet lil Malta bħala d-destinazzjoni tal-vaganza tagħha minkejja li għall-bidu kienet xi ftit nervuża biex tivvjaġġa weħidha mat-tifla tagħha.

Julia żiedet tgħid li n-nies tal-lokal kienu tassew ta’ għajnuna u li ħassitha sigura matul il-vaganza tagħha fil-gżira Għawdxija. Hija temmet tgħid li fil-futur se tirritorna biex tesplora lil Malta filwaqt li dduq aktar ikel tipiku li jafu joffru l-gżejjer tagħna.

Intant, dan is-sit jinsab infurmat li fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Lulju waslu aktar minn 23,000 passiġġier fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u mal-2,300 passiġġier ieħor bil-baħar bis-servizz tal-katamaran minn Sqallija. Il-maġġoranza ta’ dawn il-passiġġieri bil-baħar huma stmati li huma turisti.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport fl-ewwel ta’ Lulju għall-19-il destinazzjoni u ż-żieda ta’ 28 pajjiż ieħor li wieħed jista’ jivvjaġġa minn u lejn Malta kienu ddeskritti bħala avvenimenti importanti għall-pajjiżna b’mod speċjali għax it-turiżmu f’Malta jikkontribwixxi għal madwar 30% tal-GDP ta’ pajjiżna.

Nhar l-Erbgħa li għadda, il-Linja Nazzjonali tal-Ajru Air Malta ħabbret li estendiet is-servizzi tagħha għal disa’ destinazzjonijiet oħra li jinkludu Amsterdam, Brussel, Milan, Londra Heathrow, Lisbona, Madrid, Palermo, Pariġi Charles De Gaulle u Pariġi Orly.

Share With: