L-‘administration’ ta’ Wigan hija meqjusa bħala skandlu

Id-deputat lokali fil-Parlament Ingliż, Lisa Nandy, talbet inkjesta sħiħa dwar iċ-ċirkostanzi li jdawru lil Wigan Athletic fl-amministrazzjoni u tgħid li l-club huwa vittma ta’ “skandlu globali kbir”.

Nandy għamlet il-kummenti tagħha f’ittra lis-Segretarju tal-Istat għad-Diġitali, il-Kultura, il-Midja u l-Isport, Oliver Dowden.

Nhar l-Erbgħa Wigan daħlu fl-amministrazzjoni ftit tal-ġimgħat wara li l-club bidel is-sidien.

“Dak li tħalla jseħħ fl-aħħar jiem huwa ta’ għajb kbir,” hija kitbet.

“Juri l-falliment komplet ta’ salvagwardji ta’ governanza biex jipproteġu clubs bħal tagħna.”

Nandy, li hija Membru Parlamentari għal Wigan u wkoll ix-Shadow Segretarju Barrani, żiedet tgħid: “Wigan Athletic FC kien club immexxi tajjeb u maħbub ħafna fil-qalba tal- kommunità tagħna għal kważi 90 sena.

“Jien ninsab mitlufa kompletament dwar kif il-mudell il-ġdid ta’ proprjetá seta’ ġie approvat mill-EFL. Għandu jkun hemm inkjesta sħiħa.”

Issa Wigan qed jiffaċċjaw tnaqqis ta’ 12-il punt li għandu jiġi applikat jew dan l-istaġun – jekk jispiċċaw barra miż-żona tar-relegaz­zjoni taċ-Championship – jew fil-bidu tal-2020-21.

L-amministraturi tal-club għandhom l-intenzjoni li jinvestigaw kif il-club spiċċa f’din is-sitwazzjoni ftit xhur wara li bidel is-sidien.

Nhar is-Sibt, Wigan onoraw il-logħba kontra Brentford minkejja li l-players ma kinux tħallsu l-paga tagħhom li kienet dovuta lilhom nhar il-Ġimgħa.

Il-president tal-EFL, Rick Parry, ġie rreġistrat b’mod sigriet minn partitarju ta’ Wigan li ddiskuta xnigħat relatati mal-amministrazzjoni tal-club.

Fir-filmat, Parry iddiskuta allegata imħatra fuq ir-relegazzjoni tal-club miċ-Championship.

Nhar l-Erbgħa, Wigan saru l-ewwel club professjonali Ingliż li daħal fl-amministraz­zjoni minn meta bdiet il-pandemija tal-coronavirus.

L-amministrazzjoni tal-club bħalissa qed tiġi investigata.

L-EFL qal li kien “konxju” tal-video, u żied li Parry ma kienx “konxju li kien qed jiġi ffilmjat”.

“Kienet parti minn diskussjoni ferm wiesa’ u improviża li kien qed ikollu ma’ sostenitur ta’ Wigan li ma jafx iżda li jgħix fl-istess żona,” qal kelliem tal-EFL.

“Il-konversazzjoni privata ffokat madwar l-avvenimenti tal-aħħar 24-48 siegħa preċedenti, kif l-EFL jista’ jgħin u x’jiġri wara. Id-diversi għajdut u rapporti li kienu qed jiċċirkulaw illum ġew diskussi wkoll.

“Filwaqt li ċ-chairman ma kienx jaf li kien qed jiġi ffilmjat, huwa kien kuntent li jidħol fid-dibattitu u japprezza li dan huwa żmien ta’ tħassib u ta’ sfida għal dawk kollha assoċjati mal-club.”

Il-partitarju ta’ Wigan, David Curtis, li  stqarr li kien iffilmja l-filmat, qal lil BBC Sport: “Il-football m’hu xejn mingħajr il-partitarji u meta l-partitarji jridu mistoqsijiet li jriu jiġu mwieġba jeħtieġ li jitwieġbu, u jien kelli l-poter li nistaqsihom.

“Nittama li Wigan Athletic jappellaw it-   tnaqqis tal-punti u l-EFL jaċċetta l-appell.”

Share With: