L-aħħar testijiet qabel l-Italja tinawgura pont ġdid f’Ġenova sentejn wara l-inċident traġiku

Il-pont il-ġdid f’Ġenova li nbena biex jisostitwixxi lill-pont li kien ċeda fl-2018 u li ħasad il-ħajja ta’ 43 persuna se jkun qed jiġi inawgurat fit-3 ta’ Awwissu. Ħabbar dan is-Sindku Marco Bucci.

Huwa qal li l-ittestjar tal-pont jinsabu għaddejjin mingħajr xkiel, iżda skont rapporti jidher li dawn it-testijiet se jkunu qed jieħdu madwar sitt ijiem. Rapporti maħruġa mill-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA qalu li dawn it-testijiet bdew fid-19 ta’ Lulju.

Fl-aħħar jiem it-testijiet li saru kienu jinkludu 44 trakk użati fil-ġarr tal-merkanzija li jiżnu mal-44 tunellata kull wieħed, b’piż totali ta’ madwar 2,500 tunellata.

Il-President Taljan Mattarella mistenni jattendi għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-pont iddiżinjat mill-perit Taljan Renzo Piano.

Share With: