L-Air Malta tara żieda fil-bookings b’mod gradwali

Wara diversi ġimgħat fejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien magħluq minħabba l-pandemija tal-Covid-19, fejn l-uniku titjiriet kienu dawk kummerċjali jew titjiriet ta’ ripatrijazzjoni, issa għaddiet ġimgħa mill-ftuħ tal-ajruport biex mill-ġdid qed nilqgħu lit-turisti f’pajjiżna. Għall-Air Malta din titqies bħala ċelebrazzjoni tar-ritorn tagħha fis-settur tal-avjazzjoni kummerċjali.

Kelliem għall-Air Malta qal lil dan il-ġurnal li l-bookings qegħdin jiżdiedu gradwalment però sostna li għadu kmieni wisq biex jikkummentaw dwar l-andament tas-suq inġenerali.

Madanakollu huwa żied jgħid li l-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport kienet ġrajja importanti għal dawk l-impjegati kollha, il-familji tagħhom u n-negozji li jiddependu minn din l-industrija għall-għajxien tagħhom.

Dan huwa importanti speċjalment meta wieħed iżomm f’moħħu li t-turiżmu jikkontribwixxi għal madwar 30% tal-GDP tagħna u wara aktar minn tliet xhur weqfin minn attività kummerċjali, il-Linja tal-Ajru kienet kuntenta li reġgħet lura ttir u tkompli tikkontribwixxi għall-benesseri ekonomiku tar-residenti tal-Gżejjer Maltin.

Intant, fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ tal-ajruport u l-port għall-ivvjaġġar kien hemm ‘il fuq minn 220 titjira minn u lejn Malta kif ukoll 11-il vjaġġ bil-katamaran, li b’kollox ġarrew ‘il fuq minn 20,000 passiġġier. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli kienet qalet lil dan il-ġurnal li b’mod ġenerali n-numru ta’ viżitaturi reġistrati f’dawn l-ewwel jiem kienu kif mistennija u skont il-previżjonijiet tal-linji tal-ajru u l-awtoritajiet tal-ajruport u l-port. Hija qalet li l-ammont ta’ passiġġier li waslu f’pajjiżna proprju fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport kien wieħed inkoraġanti minkejja li wieħed iżomm f’moħħu li s-sitwazzjoni internazzjonali għadha waħda imprevedibbli.

Il-klijenti huma mħeġġa jkunu fl-ajruport sagħtejn u nofs qabel it-tluq tat-titjira

Għal kull min huwa interessat biex mill-ġdid juża l-Linja tal-Ajru tal-Air Malta hija tħeġġeġ lill-klijenti biex ikunu fl-ajruport sagħtejn u nofs qabel it-tluq tat-titjira. Il-kelliem tal-Air Malta spjega li l-Linja tal-Ajru għamlet numru ta’ tibdiliet fosthom li l-bagalji kollha anke l-‘hand luggage’ qed jinġarru fl-istivi tal-merkanzija u dan qed isir mingħajr ħlasijiet żejda għall-klijenti. Dan ifisser li abbord jistgħu jitilgħu biss ‘handbags’, ‘man bags’ u ‘laptop bags’.

Fost affarijiet oħra, il-klijenti għandhom jassiguraw li jivverifikaw l-aħħar ħtiġiet għall-ivvjaġġar, konsulenzi u restrizzjonijiet tal-pajjiżi u l-ajruporti fejn ikunu qegħdin jivvjaġġaw, għax dawn forsi jkunu suġġetti għal bidla.

Il-klijenti għandhom ukoll jiżguraw li jkollhom numru suffiċjenti ta’ maskri tal-wiċċ għall-vjaġġ kollu. Għall-aktar informazzjoni biex il-klijenti jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-proċeduri l-ġodda adottati mill-Air Malta matul il-vjaġġ wieħed għandu jżur is-sit  www.airmalta.com/caring-for-your-health-and-safety

Share With: