L-ajruport jiftaħ għas-safar

L-ajruport qed jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu mil-lum wara li kien ilu magħluq mill-21 ta’ Marzu minħabba l-Covid19.

L-uniċi titjiriet li komplew matul dan il-perjodu kienu dawk kummerċjali jew ta’ ripatrijazzjoni imma wara li lbieraħ Malta rtirat is-sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-saħħa issa l-Maltin jistgħu jsiefru waqt li l-barranin se jkunu jistgħu jżuruna.

Il-pajjiżi miftuħin huma l-Ġermanja, l-Awstrija, l-Italja, Ċipru, l-Iżvizzera, Franza, Spanja, il-Polonja, l-Iżlanda, is-Slovakkja, in-Norveġja, id-Danimarka, l-Ungerija, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja, il-Lussemburgu, r-Repubblika Ċeka, il-Greċja u l-Kroazja.

Għall-ewwel kien hemm reġjuni fl-Italja, Franza u Spanja li s-safar lejhom kien projbit imma dawn tneħħew. Għall-kuntrarju l-Iżrael kien inkluż fl-ewwel lista imma tneħħa wara li żdiedu l-każijiet fil-pajjiż.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħa diversi miżuri biex jibqa’ jsegwi d-direttivi ta’ ‘social distancing’ u sigurtà kif għadhom qed jisħqu l-awtoritajiet tas-saħħa.

Fost oħrajn twaħħlu sinjali ġodda, inkluż mal-art, biex jiggwidaw lill-passiġġieri fil-moviment tagħhom ġewwa l-bini tal-ajruport, irranġa s-siġġijiet biex jirrispettaw d-distanzja soċjali u waħħal ‘screens’ mal-imwejjed tal-‘customer care’ biex jipproteġu lill-impjegati.

Fl-ajruport sar ukoll investiment biex tintuża aktar it-teknoloġija ħalli jitnaqqas il-kuntatt meta l-passiġġieri jagħmlu ‘scan’ tal-passaporti u l-‘boarding pass’.

Teknoloġija oħra li se tintuża hija dik li se tipprovdi lill-ajruport b’informazzjoni dwar jekk il-passiġġieri jkunux qed iżommu d-distanza soċjali.

Se tibqa’ tintuża wkoll t-‘thermal screening’ biex jiġi stabbilit li l-passiġġieri ma jkollhomx temperatura għolja li tindika deni.

Mil-lat ta’ tindif l-uċuħ li jintużaw spissi, bħal buttuni u ‘handles’, qed jiġu diżinfettati ta’ sikwit waqt li anke s-sistema ta’ ventilazzjoni u ‘air conditioning’ qed jitnaddfu regolari.

Madwar l-ajruport se jkun hemm ukoll diversi postijiet fejn il-passiġġieri jaħslu jdejhom bil-‘hand sanitizers’.

Id-deċiżjoni li jinfetaħ l-ajruport ġabet magħha reazzjonijiet differenti b’min jaraha bħala pass pożittiv u min le.

Dawk favur il-ftuħ tal-ajruport, inkluż operaturi turistiċi u persuni li l-impjiegi tagħhom jiddependi mit-turiżmu, jisħqu li dan il-pass kellu jittieħed anke minħabba l-ħtiġijiet ekonomiċi.

Min-naħa l-oħra hemm min għadu xettiku dwar il-ftuħ tal-ajruport għax qed jibża’ li jidħlu persuni bil-Covid19 u b’hekk il-pandemija terġa’ tgħolli rasha f’pajjiżna.

Share With: