L-avukat Bernard Grech jgħid li ilu jaħseb dwar il-possibbiltà li jikkontesta għat-tmexxija tal-PN għal dawn l-aħħar xhur

Lanqas għadu tlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali li mhux qed jiċċirkolaw ismijiet dwar min jista’ jkun jitfa’ l-kandidatura tiegħu fl-eventwalità li tiżvolġi l-elezzjoni biex jinħatar kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Fost dawn hemm l-Avukat Bernard Grech li fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja, RTK, qal li kien ilu jaħseb dwar din il-possibbiltà għal dawn l-aħħar sitt xhur.

Grech saħansitra indika li kien qed jirċievi pariri dwar il-possibbiltà ta’ kampanja għat-tmexxija tal-PN.

Żied jgħid li huwa kien intalab mill-Kap attwali Adrian Delia biex jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, u f’Jannar li għadda kien saħaq li kien se jkun qed jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Madankollu hekk kif il-PN jidher riesaq lejn elezzjoni għal kap tal-partit, Grech tenna li issa jrid jiddeċiedi x’se jkun qed jagħmel fir-rigward.

Intant l-istoriku u opinjonista politiku Simon Mercieca f’kumment li ppubblika fuq il-midja soċjali tenna li Grech qed ikun imbuttat mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Share With: