L-Awditur Ġenerali innota nuqqasijiet sinifikanti fil-proċess tal-ftehim ma’ Vitals

Il-kwistjoni marbuta mal-ftehim bejn il-Gvern u l-Vitals, kellha żvolta ġdida lbieraħ fil-Parlament. Dan hekk kif l-Awditur Ġenerali ippreżenta l-ewwel parti tar-rapport mill-investigazzjoni li hu għamel dwar dan il-ftehim, li kien jinkludi l-Isptar Karin Grech, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar San Luqa. 

Ir-rapport li mill-ewwel analiżi tiegħu jidher li hu wieħed dettaljat, innota nuqqasijiet sostanzjali fil-proċess ta’ dan il-ftehim.  Fost il-konklużjonijiet hemm dik li kien hemm nuqqas ta’ analiżi indipendenti fl-istudji li saru biex il-gvern jara jekk dak miftiehem kien vijabbli.  L-Awditur qal ukoll li ma saritx id-‘due diligence’ adekwata.

Fir-rapport ġie kkritikat il-proċess. Infatti l-Awditur Ġenerali irrimarka li Vitals kellhom jiġu skwalifikati mill-bidu. 

Ebda stqarrija mill-gvern sakemm ikun analizzat

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li “waslilna issa fil-Parlament l-ewwel parti mir-rapport dwar il-Vitals.  Il-proċess li ġie segwit kien wieħed illegali, il-Ministru tal-Finanzi ma ġiex infurmat  mill-Ministru tal-Enerġija fuq ħlas ta’ fondi pubbliċi, il-provi miġbura mill-awditur juri kollużjoni, jiġifieri ftehim bejn il-gvern u l-Vitals. Il-Vitals kisru l-etika u kellhom jiġu skwalifikati.”  

Adrian Delia staqsa jekk hux se jkun hemm xi stqarrija ministerjali dwar dan ir-rapport. Iwieġeb għal dan il-Whip Laburista Glenn Bedingfield. Hu qal li r-rapport għadu kif wasal issa u se jkun qed jiġi analizzat.

Intant b’referenza għal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, għamilha ċara, li fiż-żmien meta hu kien Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tas-Saħħa, “ma kontx involut assolutament xejn f’xi negozjati li ssemnew mill-Awditur li setgħu saru qabel ma’ ħareg l-RfP u lanqas ma’ kont infurmat dwarhom.” Kompla jgħid li hu ma kienx jaf bl-eżistenza tal-MoUli kien ġie iffirmat.

Share With: