L-awtoritajiet jikkonfermaw mill-ġdid li l-papri fis-Salina kienu rriżultaw pożittivi għall-influwenza avjarja

Id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja kkonferma għal darba oħra li l-papri fir-Riserva Natutali tas-Salina kienu rriżultaw pożittivi għall-Influwenza Avjarja tat-tip H6Nx. It-testijiet kienu saru mill-EU Reference Laboratory (EURL).

Dan wara li rapporti fil-midja rrapportaw li l-kummissarju għad-drittijiet tal-annimali nieda investigazzjoni dwar il-mewt ta’ numru ta’ papri wara li rapport ikkummisjonat b’mod privat indika li l-papri ma kinux qed ibatu mill-influwenza avjarja jew salmonella.

Aktar kmieni dan ix-xahar numru kbir ta’ papri fis-Salina kienu rapportati li mietu, b’dan iwassal lid-Direttorat għar-Regolamentazzjoni Veterinarja biex jintervjeni u jneħħi l-kumplament tal-papri miż-żona.

Id-direttoraw kien qal li l-papri kienu infettati kemm mill-influwenza avjarja u kif ukoll mis-salmonella, u dan jaf ikun ta’ riskju għall-fawna l-oħra fiż-żona.

Madanoollu rapport privat li twettaq mill-veterinarja Catherine Portelli qal li ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ mard respiratorju fil-papri u aktarx li dawn kienu mietu kaġun ta’ avvelenament jew mard gastrointestinali.

Madankollu l-konklużjonijiet tar-rapport huma suġġett għal aktar testijiet tossikoloġiċi, li għadhom għaddejjin.

Intant id-Direttorat għar-Regolamentazzjoni Veterinarja kkonferma li qed isiru wkoll aktar testijiet fuq il-papri, bil-Ministeru għall-Agrikolutura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jitlob l-assistenza tal-pulizija biex tinvestiga l-allegazzjonijiet li saru.

Share With: