L-ebda impediment Kostituzzjonali għat-tneħħija ta’ Delia

L-interpretazzjoni korretta tal-Kostituzzjoni tkun li l-artikli jinqraw flimkien b’mod koerenti, u mhux indipendentement”

Hekk kif il-President kompla jitkellem ma’ numru ta’ Deputati Parlamentari, bil-għan li tiġi riżolta l-kriżi politika li bħalissa qegħda tifni lill-Partit Nazzjonalista, inewsmalta.com tkellem mal-Professur Raymond Mangion, kif ukoll il-Professur Ian Refalo fuq l-isfond storiku-legali relatat mal-irwol tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, fuq il-midja soċjali dehru l-opinjoni legali ta’ tliet esperti fil-qasam tal-Liġi Kostituzzjonali: l-eks Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani Giovanni Bonello, l-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Kevin Aquilina, u kif ukoll il-lettur tal-Liġi Kostituzzjonali fi ħdan l-imsemmija Fakultà Austin Bencini.

Kollox jindika li ma jeżistux xi impedimenti legali konkreti li kapaċi jwaqqfu lill-President tar-Repubblika milli jneħħi lil Adrian Delia mill-irwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, u jaħtar minflok lill-Membru Parlamentari li fl-opinjoni tiegħu jgawdi l-ikbar appoġġ tad-deputati Parlamentari mill-Oppożizzjoni. Minkejja dan, ma jfissirx li l-interpretazzjoni legali tal-esperti legali hija waħda konsistenti fl-aspetti kollha involuti.

“Is-sinjali ċari jridu jkunu minn ġol-Kamra tar-Rappreżentanti, mhix barra”

F’kumment ma’ dan is-sit, il-Professur Mangion saħaq li jekk is-sub-artikolu fuq it-tneħħija tal-Kap tal-Oppożizzjoni jittieħed in iżolament, dan jista jwassal għal kriżi kostituzzjonali. “Huwa għalhekk li hemm bżonn li l-artikoli jridu jiġu kkunsidrati flimkien, fi spirtu ugwali.”

“Biex jevita dan, il-President għandu jkun prudenti u jagħti wiżen lill-artikoli preċedenti; jista jkun ukoll li hemm bżonn isiru t-tibdil kostituzzjonali neċessarji, biex b’hekk l-artikoli 90(2) u 90(4) jkollhom sinjifikat u terminoloġija iktar ugwali.”

Kemm Mangion, kif ukoll Refalo, għamlu referenza għal żewġ episodji fl-istorja ta’ Malta li wasslu għal qasma fil-partit: Il-ġlieda ta’ bejn Boffa u Mintoff, u l-qasma tal-24 deputat tal-Gvern fl-1949 li wasslet għat-twaqqigħ tal-Gvern ta’ dakinhar; u għaxar snin wara, il-ġlieda li Herbert Ganado kellu mal-Partit Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier fl-elezzjoni tal-1962.

Il-Professur Refalo tenna li, filwaqt li m’hemmx preċedenti għal sitwazzjoni eżatti bħal din, “problemi bħal dawn deheru ripetutament fl-istorja politika ta’ pajjiżna.”

“Din hija kwistjoni ta’ koerenza: Meta deputati ma jaqblux ma’ kap tal-partit, jew ibiddlu l-kap tal-imsemmi partit, jew inkella jbiddlu l-partit. Għandna eżempji taż-żewġ xenarji fl-istorja politika ta’ Malta.”

“Żewġ sub-artikli għal żewġ xenarji differenti”

L-Imħallef Bonello spjega kif wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-Kostituzzjoni huwa li l-artikli m’għandhomx jiġu interpretati b’tali mod li jikkontradixxu lil xulxin. “L-interpretazzjoni li għandha tipprevali, fejn jidħlu dawn l-artikli, hija dik l-iktar li tressaq l-istess artikoli flimkien biex jimxu f’armonija.”

Bonello saħaq kif il-provvedimenti ta’ Aritkolu 90(2), u dawk ta’ 90(4), “jistipulaw mekkaniżmi differenti, għal xenarji differenti. L-ewwel wieħed, il-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni fil-bidu tal-leġislatura, eżatt wara l-elezzjoni ġenerali, filwaqt li t-tieni sub-artikolu jikkontempla l-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni matul il-leġislatura, meta l-kap attwali jtemm milli jkollu l-appoġġ tal-ikbar grupp ta’ membri fl-Oppożizzjoni fil-Parlament.” L-eks-Imħallef saħaq li f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-provvedimenti ta’ sub-artikolu 4 japplikaw, filwaqt li dawk preċedenti jiġu rrelevanti.

Intant, Dr Bencini saħaq kif, filwaqt li l-għażla tal-Kap tal-Oppożizzjoni “ġġorr magħha l-kwalifika stretta li jrid ikun membru Parlamentari kif ukoll il-kap tal-ikbar partit fl-Oppożizzjoni fi ħdan il-Kamra tar-Rappreżentanti… din tal-aħħar ma tapplikax fl-artiklu sussegwenti, meta tiġi għat-tneħħija tal-mexxej elett oriġinarjament, u s-sostituzzjoni tiegħu ma’ membru parlamentari ieħor.”

Dan l-istess punt kien ukoll spjegat mill-Professur Aquilina, li saħaq kif fil-Kostituzzjoni, “m’hemm l-ebda referenza fl-artikli msemmija, kif ukoll fil-Kostituzzjoni, fuq il-bżonn li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-kap ta’ partit politiku, għax dan normalment huwa rregolat mill-istatut tal-partit nnifsu. Min jiġi appuntat bħala mexxej tal-partit, mhix rilevanti għall-uffiċċju tal-President, għaliex din il-kariga hija waħda kostituzzjonali.”

“F’termini iktar prattiċi, jekk Membru Parlamentari li mhix kap tal-Oppożizzjoni, igawdi mill-appoġġ tal-maġġor parti tal-membri Parlamentari tad-Deputati tal-PN, mela l-president għandu jirrevoka l-ħatra tal-mexxej preżenti tal-Oppożizzjoni, filwaqt li dan l-istess Membru Parlamentari alternattiv jiġi maħtur bħala Kap.”

Share With: