L-IOM tikkundanna l-qtil ta’ żewġ immigranti li ġew irritornati mill-baħar lejn il-Libja

Minn MELVIN FARRUGIA

L-Għaqda Internazzjonali tal-Migrazzjoni qiegħda tikkundanna l-fatt li żewġ immigranti Sudaniżi nqatlu u ħamsa oħra ġew feruti fi sparaturi li seħħew fil-post fejn tniżżlu l-immigranti f’Khums fil-Libja matul il-lejl li għadda. Jingħad li dawn l-immigranti ġew interċettati fil-baħar u rritornati lejn il-kosta mill-Gwardji tal-Kosta. 

Ħaddiema mill-IOM irrapportaw li l-awtoritajiet lokali bdew jisparaw meta l-immigranti pprovaw jaħarbu mill-punt ta’ nżul. Jingħad li l-immigranti feruti ġew ittrasferiti lejn sptarijiet lokali, filwaqt li dawk li ma ġralhom xejn ittieħdu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. 

L-IOM tenniet li l-Libja mhux port sigur u appellat mill-ġdid lill-Unjoni Ewropea u lill-komunità internazzjonali għal azzjoni urġenti biex jintemm ir-ritorn ta’ nies vulnerabbli lejn il-Libja. 

Share With: