L-ISTAT… TRUMP QED JAQA’ LURA? … MONUMENTI

Miktub minn ALFRED SANT

L-ISTAT

Hemm min qed jibża’ li ħtija tal-pandemija, ħafna pajjiżi se jispiċċaw dominati kważi għal kollox mill-istat. Dan għax biex jilqgħu għall-kriżi finanzjarja li kważi s-settur privat kollu qed jaffaċċja, l-gvernijiet qed jippompjaw biljuni f’għajnuniet diretti lil eluf ta’ kumpaniji. Mhux se jkunu lesti li tal-flus li ħarġu, jibqgħu b’idhom f’idhom; jekk huma jkunu lesti, l-elettorati żgur le. Allura se jisħqu biex jingħataw rappreżentanza u kontrolli fit-tmexxija tal-kumpaniji.

Min ibassar dan l-iżvilupp, iqis li dil-ħaġa se ġġib magħha gwaj ieħor. Fl-aħħar deċennji l-kumpaniji privati tad-dinja kollha rnexxielhom jiksbu libertajiet qawwija biex imexxu n-negozji tagħhom. Jekk issa se jitilfuhom, u d-deċiżjonijiet fis-settur privat jittieħdu skont l-amar tal-gvernijiet, l-effiċjenza ekonomika li jġib miegħu s-suq ħieles tintilef.

Xejn mhu ċar li l-gvernijiet iridu jikkontrollaw l-azjendi privati. Aktar se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex kemm jista’ jkun, il-flejjes li jkunu ħarġu jiġbruhom lura.

TRUMP QED JAQA’ LURA?

Ħafna qed jogħxew bl-aħbarijiet mill-Istati Uniti li jsemmu kif skont l-istħarriġ tal-opinjoni publika l-President Trump qed jaqa’ lura sew fit-tellieqa presidenzjali. It-tmexxija tiegħu quddiem l-imxija tal-corona virus u l-kriżi ekonomika għamlulu dannu kbir. Aktar u aktar nies qed jagħrfu d-differenza li tgħaddi bejn dak li jgħid u jwiegħed, u dak li filfatt jikseb.

M’hemmx dubju li Trump għandu l-kwalitajiet kollha biex idejjaq lill-maġġoranza tal-eletturi Amerikani. L-aqwa karta tiegħu kellha tkun dik tas-suċċess ekonomiku li sa ftit taż-żmien ilu seta’ jiftaħar bih. Il-kriżi qattgħethielu u diffiċli tistħajjel li fiż-żmien li baqa’ sal-elezzjoni, s-sitwazzjoni ekonomika se tfieq.

Biss, l-avversarju tiegħu min-naħa tad-Demokratiċi Joe Biden hu pjuttost kajman. Malajr jista’ jaqa’ għat-tentazzjoni li jemmen li x-xilep ġewwa. Dik toffri opportunità ħalli Trump juri li hu “biss” għandu d-dinamiżmu meħtieġ biex l-Amerika toħroġ minn kriżi li daħlet fiha mhux tort tiegħu, imma tort se jibqa’ jgħid “taċ-Ċiniżi”.

MONUMENTI

Ħaġa tajba li qamet kontroversja dwar is-siwi u t-tifsira tal-monumenti f’pajjiżna. Kontroversja hekk isservi biex tiġbed l-attenzjoni taċ-ċittadini fuq suġġett ta’ importanza li forsi ma jkunux għadhom għarfuh bħala tali. Irridu jew ma rridux, il-monumenti li nsostnu madwarna fit-toroq u pjazez jagħtu xhieda ta’ min aħna, minn fejn ġejna u x’ġarrabna.

F’kull żmien, kull soċjetà jkollha t-tifsira tagħha nnifisha li tinbidel minn dik li kien ikollhom il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel.

Jekk dan għandux iwassal għal bidla sħiħa fil-mod kif is-soċjetà tippreżenta ruħha u tapprezza dak li waslilha minn ta’ qabilha hu dibattitu validu. X’aktarx li jwassal għal konklużjonijiet varji u kontradittorji.  

Share With: