L-Istati Uniti jridu jipprojbixxu TikTok u applikazzjonijiet tal-midja soċjali Ċiniżi

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo qal li l-Istati Uniti qed jaraw li jipprojbixxu TikTok u applikazzjonijiet tal-midja soċjali oħra Ċiniżi, hekk kif qegħdin jiżdiedu t-tensjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. 

Barra minn hekk, qed jiżdiedu ukoll l-iskrutinju fuq id-ditti teknoloġiċi Ċiniżi. 

Pompeo qal li l-Istati Uniti qiegħda tieħu din is-sitwazzjoni bis-serjetà u għalhekk qiegħda anke tħares li tipprojbixxi din il-midja soċjali. Qal li l-Istati Uniti diġà ħadmu dwar din il-kwistjoni għal żmien twil. Semma kif meta kien hemm il-problemi bit-teknoloġija Huawei l-Istati Uniti marret madwar id-dinja u għamlet progressi kbar biex tiskopri x’kienet il-problema. Bl-istess mod, qal li l-Istati Uniti se ssolvi wkoll din il-problema dwar l-applikazzjonijiet Ċiniżi fuq il-mobiles taċ-ċittadini Amerikani. 

Il-kumpanija Huawei kienet b’mod partikolari kkritikata mill-Amerikani li jsostnu li l-apparat tagħhom jista’ jkun qed jintuża għal spjunaġġ miċ-Ċina u li l-informazzjoni ta’ min juża l-apparat tista’ tiġi kompromessa. Il-Huawei kemm-il darba ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet. 

Iżda issa jidher li l-mira daret fuq TikTok, li hi tal-kumpanija ByteDance bbażata fiċ-Ċina. L-Istati Uniti jinsabu mħassbin li din il-pjattaforma tiċċensura l-kontenut u li l-informazzjoni tista’ tkun qiegħda tiġi aċċessata miċ-Ċina. 

TikTok ipprova jiddistanzja ruħu mill-kumpanija Ċiniża li hi s-sid tagħha. Fil-fatt, TikTok kienet intenzjonata li tkun għas-suq internazzjonali, filwaqt li ByteDance topera applikazzjoni separata fiċ-Ċina bl-isem ta’ Douyin. 

Share With: