L-Italja talbet l-għajnuna waqt il-pandemija… l-Unjoni Ewropea baqgħet siekta

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-gazzetta Ingliża The Guardian illum żvelat kif fis-26 ta’ Frar, meta n-numru ta’ persuni infettati fil-Coronavirus fl-Italja żdiedu bi tliet darbiet fi 48 siegħa, il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte appella għall-għajnuna mingħand l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, iżda ħadd ma wieġeb għal din it-talba. 

Ta’ min wieħed isemmi li l-isptarijiet Taljani kienu qegħdin ifuru bin-nies, it-tobba u l-infermieri ma kellhomx aktar maskri, ingwanti u tagħmir protettiv u finalment t-timijiet mediċi kellhom jaraw kif se jsalvaw lil dawk li kienu f’qagħda kritika mingħajr ma kellhom il-ventilaturi. 

Mill-investigazzjoni li saret jirriżulta li għadda messaġġ urġenti mill-Italja lejn il-kwartieri tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussels, fejn il-bżonnijiet tal-Italja ġew imtella fuq is-sistema CECIS li hi s-sistema komuni tal-Unjoni Ewropea għall-komunikazzjoni ta’ emerġenza u informazzjoni.  

Li ġara wara kien xokkanti, hekk kif ħadd ma wieġeb għal din is-sejħa ta’ emerġenza. Il-Kummissarju Ewropea responsabbli mill-immaniġġjar tal-kriżijiet, Janez Lenarčič qalet li ebda stat membru ma wieġeb għat-talba tal-Italja u għas-sejħa tal-Kummissjoni. Spjegat li dan kien ifisser li mhux l-Italja biss ma kinitx ippreparat iżda kull pajjiż. Saħqet li n-nuqqas tal-istati membri milli jwieġbu ma kinitx daqstant nuqqas ta’ solidarjetà, iżda nuqqas ta’ apparat. 

Minħabba dan kollu, il-mexxejja qegħdin jstaqsu l-mistoqsijiet fundamentali dwar l-għan tal-proġett Ewropew meta l-istati jonqsu milli jgħinu lil xulxin fl-agħar żminijiet li jkunu qegħdin jiffaċċjaw. 

Intant, l-investigazzjoni ta’ The Guardian turi li kien proprju f’lejliet l-Ewwel tas-Sena meta uffiċjali miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard irċevew l-ewwel aħbar li kien hemm numru ta’ każi ta’ pneumonia fiċ-Ċina li kellhom oriġini mhix magħrufa. Kienu biss 12 mis-27 stat membru, flimkien mar-Renju Unit li ċemplu għall-konferenza fis-17 ta’ Jannar. 

Fid-9 ta’ Jannar, dan iċ-ċentru, li jista’ biss jagħti rakkomandazzjonijiet, spjega li l-każi kienu relatati ma’ suq tal-annimali f’Wuhan. Ġimgħatejn wara kien sar magħruf li kien hemm trażmissjoni minn bniedem għal ieħor. L-ewwel tħassib kien dwar kif se jżommu l-marda ‘l barra mill-Unjoni Ewropea u għalhekk fis-17 ta’ Jannar saret din il-konferenza minn organu ieħor tal-Unjoni Ewropea li wkoll m’għandu ebda saħħa biex jieħu deċiżjonijiet. 

Waqt il-laqgħa, il-kap tat-tim li jmexxi d-dipartiment tas-saħħa tal-Kummissjoni Ewropea spjega s-sitwazzjoni u l-ħsieb dar fuq il-fatt li mat-300,000 persuna kienu mistennija jsiefru lejn l-Ewropa miċ-Ċina biex jiċċelebraw l-Ewwel tas-Sena Ċiniża fil-25 ta’ Jannar. Għalhekk il-mistoqsija kienet dwar dak li se jagħmlu dwar it-titjiriet diretti minn Wuhan lejn Londra, Pariġi u Ruma. Waqt din il-laqgħa ntqal li l-iscreening bit-termometri u apparat ieħor ma kienx effettiv biex iwaqqaf il-virus, u minflok ingħatat rakkomandazzjoni li jimmiraw lejn it-12-il titjira fil-ġimgħa li kienu jaslu l-Ewropa minn Wuhan. 

Ir-Renju Unit u Franza qasmu l-informazzjoni dwar dak li kienu qed jagħmlu fl-ajruporti, iżda l-Gvern Taljan kien wieħed minn dawk li lanqas biss ra l-imejl fejn kellu l-invit għal-laqgħa. Jidher li dan il-kumitat ma jingħatax l-importanza li tistħoqqlu u għalhekk kien hemm problema fil-mod kif jiġu kkoordinati l-affarijiet. 

Jidher li l-kwistjoni kompliet damet ma ġiet indirizzata għax il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Von der Leyen kienet għadha kemm ħadet il-pożizzjoni tagħha. Kienet il-persuna addattata biex tiffaċċja pandemija, peress li kienet tabiba, iżda kienet ilha biss xahar fil-kariga l-ġdida tagħha u kienet għadha ma tafx x’poteri setgħet tuża.  

Kien għalhekk li l-ewwel laqgħa saret fit-28 ta’ Jannar fejn il-Kummissjoni ma ħaditx it-theddida tal-pandemija bis-serjetà. Il-messaġġ kien li dan kollu kien se jmut bil-mod il-mod. Iżda l-għada l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni mgħaġġla li tipprojbixxi lill-ħaddiema tagħha milli jsiefru lejn iċ-Ċina. Iżda minkejja li ssejħet konferenza tal-aħbarijiet biex kulħadd jibda jipprepara, jidher li kien hemm interessi oħra mill-midja, peress li r-Renju Unit kien se jitlaq mill-Unjoni Ewropea wara 47 sena membru. 

Fil-fatt, għall-konferenza kważi ma kien hemm ħadd mill-midja u minkejja li talbu lill-istati membri biex ikunu ppreparati u joħduha bis-serjetà, il-kamra kienet vojta u ħadd ma sema’ dan il-messaġġ. Lanqas ma semgħuh l-għada, meta l-attenzjoni kienet fuq l-aħħar sessjoni fejn ipparteċipaw l-Ingliżi f’sessjoni plenarja. 

Intant, din l-investigazzjoni żvelat ukoll kif l-istocks ta’ tagħmir protettiv fl-Ewropa kienu skaduti, uħud inqerdu u oħrajn lanqas ġew mibdula b’oħrajn ġodda. Il-pjani ta’ preparazzjoni għal pandemija kienu skaduti. 

Fil-fatt, jidher li Franza kellha 1.7 biljun maskri protettivi fl-2011 u minnhom kien hemm biss 117 miljun li huma tajbin. Bejn Jannar u Marzu ħarqet 1.5 miljun, filwaqt li l-2017 ordnat li jinqerdu 38 miljun maskra u qatt ma ġew mibdulin. 

Sad-29 ta’ Frar, kien hemm aktar minn 2,000 persuna infettati fl-Ewropa, filwaqt li fl-Italja kienu mietu 35 persuna. Kien hawn li Von der Leyen poġġiet lilha nnifisha fuq quddiem tal-kwistjoni. Iżda sa dak iż-żmien, kien diġà tard ħafna biex tiġi kkontrollata l-pandemija u biex jinxtara l-apparat kollu li kien meħtieġ. 

Share With: