L-Università tiddeċiedi li ma jsirux iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni… pjan li jsiru fi Frar jew Marzu tas-sena d-dieħla

Is-Senat tal-Università ta’ Malta ħa d-deċiżjoni li ma jagħmilx iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni bħas-soltu f’Novembru jew Diċembru tal-2020. 

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li ttieħdet in konsiderazzjoni l-inċertezza u l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19. 

Biex ma titfax lura l-għoti tad-degrees u d-diplomas, is-Senat iddeċieda li dawn jingħata lill-gradwati kollha in absentia fl-20 ta’ Novembru 2020. 

Wara din id-data, l-istudenti se jintalbu biex jinġabru ċ-ċertifikat formali mill-Università. L-arranġamenti prattiċi se jitħabbru aktar tard, filwaqt li se jitħabbru arranġamenti oħra dwar kif se jintbagħtu ċ-ċertifikati lill-gradwati li jgħixu barra minn Malta. 

L-Università qiegħda tippjana li tagħmel il-quddiesa ta’ ringrazzjament u ċ-ċerimonji formali fi Frar u f’Marzu tal-2021. Id-dettalji se jitħabbru aktar tard meta s-sitwazzjoni tkun tippermetti li l-Università tagħmel pjani definiti. 

Share With: