Tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ DCG

Lawrence Cutajar mhux se jkun qed jixhed illum minħabba limitazzjoni ta’ ħin

Minħabba diffikultà teknika l-Qorti ordnat sabiex l-istess espert jerġa’ jagħmel estrazzjoni ta’ dejta kollha mill-hard drive sabiex tiġi esebita fl-atti tal-kawża. Madanakollu dwar ir-recording li bdiet tagħmel referenza lejhom id-difiża se jinstemgħu minn fuq hard drive separata. Lawrence Cutajar mhux se jkun qed jixhed illum minħabba limitazzjoni ta’ ħin.

Melvin Theuma mistoqsi dwar il-proklama … konfużjoni fl-awla wara argument verbali bejn iż-żewġ partijiet

Malli tela’ biex jagħti x-xhieda tiegħu, Theuma ġie mistoqsi dwar il-proċess tal-proklama u jekk kienx hu stess li talab għaliha. Beda biex jgħid li l-ħsieb tal-proklama ġie waqt diskussjoni mal-avukat tiegħu. Kompla biex jgħid li ħadd qatt ma tah indikazzjoni lijoħodha, iżda ġieli ddiskuta mal-Ġojja u Johann Cremona. 

Mistoqsi dwar ir-recordings, Theuma ammetta li żeffen fin-nofs nies li ma kellhomx x jaqsmu fosthom il-kummissarju tal-pulizija u Keith Schembri. Kien għalhekk li d-difiża kompliet tistaqsi dwar dak li intqal fir-recordings u dwar dak li ntqal x’kien hemm li huwa minnu u x’kien hemm falz. Theuma qal ukoll li kien jaf id-data meta kellu jsir l-arrest.

Theuma ċaħad li l-Ġojja kien ħallas l-eluf lill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien biex tkun irranġata l-proklama. Wara xi ħin qamet konfużjoni fl-awla u kien hemm kjass sħiħ bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni. Hawnhekk il-Maġistrat Rachel Montebello ssospendiet is-seduta u kkundannat lill-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran multa ta’ €50. L-argument verbali bejn iż-żewġ partijiet żvolġa minħabba recordings li skont id-difiża kienu jikkontradixxu dak li xehed bil-ġurament Melvin Theuma.

Il-Qorti tat permezz li jinstema recording wieħed. Il-Maġistrat ordnat li kull persuna fl-awla titfi kull recording device inkluż mowbajl waqt li jinstemgħu r rekordings. Minkejja ħin ta’ madwar nofs siegħa, problema fis-sistema tipprojbixxi lil dawk preżenti milli jisimgħu dawn ir-recordings.

Is-seduta tinsab temporanjament sospiża.

Jagħti x-xhieda tiegħu l-Ispettur Arnaud

Id-difiża rrappreżentata mill-Avukat Charles Mercieca sostniet li l-prosekuzzjoni kellha tipprovdi kopja tal-proklama li ngħatat lil Melvin Theuma għaliex qal li fil-każijiet passati din dejjem kienet ippreżentata quddiem il-Qorti. Min-naħa l-oħra l-Avukat Ġenerali sostna li m’hemm l-ebda ordni tal-Qorti biex din tiġi ppreżentata.

Il-Maġistrat ordnat lil-Ispettur Keith Arnaud jixhed fil-magħluq dwar il-kontenut tal-proklama mitlub mid-difiża.

L-Avukat Mercieca staqsa lil Arnaud x’għamel wara li sar jaf li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien kellem lil Edwin Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, dwar ir-rikordings ta’ Melvin Theuma. Għal dan, Arnaud sostna li hemm investigazzjoni u qal li meta sar jaf dwar din il-laqgħa, huwa informa lit-tim kollu li hu magħmul mill-Iskwadra tal-Omiċidji. Huwa qal li din tikkonsisti mill-Ispettur Kurt Zahra, żewġ kuntistabbli oħra u madwar seba’ uffiċjali mis-Servizz Sigriet. Ma’ dawn, lejn tmien is-sena tal-2018 kien ingħaqad ukoll surġent ieħor.

Wara l-informazzjoni li kellhom, saret laqgħa li fiha ried ikun preżenti Lawrence Cutajar. Meta ġie mistoqsi dwar il-laqgħa tiegħu mal-Ġojja huwa ammetta minnufih.

Ix-xhud qal li l-investigazzjoni marbuta ma’ din il-laqgħa għadha għaddejja, u żied jgħid li jekk mhux sejjer żbaljat, il-Kummissarju kien qal mal-istess tim investigattiv li kien iltaqa’ darba biss mal-Ġojja.

Arnaud xehed li ltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Melvin Theuma ftit wara l-arrest f’Novembru 2019.

Arnaud qal ukoll li sar jaf li l-mowbajl ta’ Keith Schembri kien mitluf waqt tfittxija fid-dar tiegħu u kkonferma li l-Vodafone pprovdiet rapport tal-movimenti tal-mowbajl.

Dwar Johan Cremona, Arnaud qal li kien bagħat għalih għal investigazzjonijiet minn tal-inqas ħames darbiet f’Novembru tal-2019. Arnaud qal li l-aħħar darba li bagħat għal Cremona kien b’rabta ma’ rikordings ġodda u qal li hemm DVD.

Arnaud xehed li l-aħħar darba li tkellem ma’ Kenneth Camilleri kienet qabel kien imissu jixhed.

Dwar it-tabib Adrian Vella, Arnaud qal li dan ġie mitkellem taħt arrest f’Diċembru li għadda u żied jgħid li l-mowbajl tiegħu qatt ma ġie elevat.

Fil-kontro eżami, Arnaud ġie mistoqsi dwar Melvin Theuma fejn qal li ltaqa’ miegħu diversi drabi fosthom din il-ġimgħa u li kull laqgħa saret permezz tal-avukat tal-intermedjarju. Arnaud xehed li nstabu €600,000 flus kontanti fi tliet lokalitajiet differenti u ġew elevati erba’ mowbajls u laptop.

Dwar it-talba għal proklama ta’ Theuma, Arnaud xehed li ma jafx jekk ġietx diskussa f’laqgħa f’Kastilja. Mistoqsi jekk setax għaddew xi flus biex Theuma jingħata l-proklama, Arnaud spjega li l-pulizija kienu staqsew lil Theuma fejn huwa ċaħad.

Ġie konkluż il-kontro eżami ta’ Arnaud u jibda jixhed Melvin Theuma.

Share With: