Lejn Governanza Tajba u Ħajja Aħjar għaċ-Ċittadini Maltin u Għawdxin

Miktub mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli

Biex ikollna ambjent soċjali u kummerċjali stabbli u tkun salvagwardjata l-kwalità tal-ħajja tal- Maltin u Għawdxin, neħtieġu governanza tajba. Neħtieġu sistemi effettivi, effiċjenti u inklussivi li minnhom jista’ jgawdi l-poplu kollu.

Il-governanza tajba mhix sempliċi tagline, iżda kunċett li jgħin lid-demokrazija tiżviluppa. Matul l-aħħar seba’ snin, il-gvern Malti beda riformi maħsuba biex jindirizzaw it-trasparenza u r-responsabbiltà fit-tmexxija tal-pajjiż, bħat-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq atti ta’ korruzzjoni politika u r-riforma fil-liġi tal-isampa li abolixxiet il-libell kriminali fost oħrajn. Il-gvern ħadem fuq proposti li jikkonformaw mal-Opinjoni tal-2018 tal-Kummissjoni ta’ Venezja, b’riżultat li riċentement din faħħret il-passi li ħa l-Gvern Malti. Il-proposti preżentati jinkludu riformi fil-ġudikatura, favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba f’pajjiżna.

Il-proposti tal-Gvern Malti huma ntiżi biex jeliminaw l-influwenza tal-politiċi mill-ħatra tal-imħallfin. Dawn ir-riformi jistipulaw li fil-ħatra tal-ġudikatura, il-President ser ikun qed jagħżel minn tliet membri nominati mill-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura wara sejħa pubblika. Riforma oħra hija relatata mal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, fejn il-kandidat għandu jintgħażel wara sejħa pubblika, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Proċedura li rajniha diġa sseħħ fil-prattika. Il-President ta’ Malta ser ikun qed jinħatar biż-żewġ terzi u l-istess jgħodd f’każ li jkun hemm lok li jitneħħa.

Il-Kummissjoni ta’ Venezja laqgħet ukoll il-fatt li se jkun hemm dritt t’appell fuq Qorti Kostituzzjonali għal deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fuq it-tneħħija ta’ Imħallfin u Maġistrati. B’hekk il-politiċi mhux se jibqgħu involuti fil-proċess ta’ tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura.

Dan kollu qed isir sabiex ngħixu f’soċjetà ġusta, fejn l-aspettattivi taċ-ċittadini jiġu milqugħa. Din hija t-tip ta’ attitudni li għandha tapplika għal kulħadd u f’kull sfera – mill-aspetti ġudizzjarji, finanzjarji, ambjentali u soċjali. Din mhix ħaġa li għandha ssir darba u daqshekk. Biex nagħti eżempju: rakkomandazzjonijiet Ewropej għall-istati membri ġew aġġustati biex jindirizzaw prijoritajiet ġodda li ġew mal-miġja tal-pandemija tal-Coronavirus. 

Riżultat ta’ dan, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-istati membri issa jiffokaw fuq żewġ aspetti. L-ewwel, ir-reazzjonijiet fiskali, ekonomiċi u soċjali immedjati għall-kriżi, u t-tieni, ir-riforma u l-prijoritajiet ta’ investiment fil-futur qrib, biex tirpilja l-ekonomija. Riformi bħal dawn għandhom ikunu mmirati għal tkabbir sostenibbli u inklussiv, filwaqt li jintegraw it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali. L-implimentazzjoni tagħhom se tkun segwita sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi jħaddnu governanza tajba u l-kunċett ta’ trasparenza. Jekk xi pajjiż jonqos milli jagħmel dan, il-Kummissjoni Ewropea tista’ titlob lill-Istati Membri biex itejbu s-sistema tagħhom.

Eżempju ieħor huma r-regoli ta’ trasparenza li l-industrija finanzjarja għandha żżomm magħhom. Il-Grupp S&D huwa responsabbli minn dawn ir-regoli u rnexxilu jagħmel differenza fuq bosta kwistjonijiet ewlenin, inkluż sistema aktar trasparenti lejn il-politika ta’ rimunerazzjoni. Taħt dawn ir-regoli ġodda, banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjonijiet għandhom għall-ewwel darba jagħmluha ċara kif se jinkludu riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza tajba fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom.

Bħal kollox, dejjem fadal xi jsir imma qed isir ħafna xogħol. Fost l-inizjattivi li jien favur tagħhom hemm l-inizjattiva biex jiġi regolat il-lobbying f’Malta, li bħalissa qed ikun immexxi mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. L-introduzzjoni ta’ qafas legali biex jirregola l-lobbying huwa ta’ importanza għaliex il-lobbying huwa parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi żgurata t-trasparenza. 

Inizjattiva oħra li nixtieq nara introdotta għandha xtaqsam mal-prinċipju li l-politiċi m’għandhomx iservu kumpaniji li kellhom x’jaqsmu magħhom waqt li jkunu fil-kariga. L-iktar eżempju famuż huwa dak tal-ex-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso li, ftit xhur wara li ma baqax fil-kariga, ġie maħtur bħala president tal-bank ta’ investiment Goldman Sachs.

Huwa pożittiv l-Gvern Malti qed juri determinazzjoni li jimplimenta miżuri favur il-governanza, it-trasparenza, u r-responsabbiltà. Dawn huma responsabilitajiet li huma mifruxa fuq diversi livelli: kemm jekk fuq livell ta’ Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq livell ta’ stati membri individwali, reġjuni u kunsilli lokali. Determinata li ngħin favur titjib fuq il-livelli kollha, bl-għan aħħari li jippermetti liċ-ċittadini onesti tal-UE jiġu rregolati minn politiċi onesti u sistemi politiċi onesti.

Share With: