“Malta rat opportunità fil-festivals” – BBC

“Malta rat opportunità fil-festivals.” Hekk irrapporta l-BBC hekk kif filwaqt li l-pandemija tal-coronavirus interferiet fil-pjani li bosta Ewropej – speċjalment żgħżagħ – kellhom għal matul ix-xhur tas-sajf, f’Malta se jkunu qed jiżvolġu erba’ festivals b’DJs internazzjonali li mistennijin li jattiraw numru kbir ta’ turisti żgħażagħ, partikolarment mir-Renju Unit.

Il-line-ups ta’ dawn l-erba’ festivals jinkludu diversi DJs u artisti Brittaniċi fosthom Chase and Status, AJ Tracey u Fatboy Slim, bil-midja soċjali tagħhom tagħti informazzjoni lil persuni fir-Renju Unit dwar prezzijiet ta’ titjiriet għal Malta.

F’kummenti li taw lil Radio 1 Newsbeat, id-DJs Friction u Eats Everything saħqu li ffirmaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn il-festivals minħabba assigurazzjonijiet li ngħataw dwar is-sigurtà mil-lat ta’ saħħa.

Madankollu festival ieħor li kellu jiżvolġi f’pajjiżna – Back to the Future – ġie kkanċllat minħabba bejgħ baxx ta’ biljetti.

Nicky spiteri, minn 365 Entertainment – il-kumpanija li qed torganizza dawn il-festivals – f’kummenti lill-BBC qal li l-Maltin huma kuntenti li jilqgħu lill-Brittaniċi.

“It-turiżmu għandu rwol importanti għall-ekonomija ta’ Malta,” saħaq Spiteri. “Lukandieri, ristoranti u taxi drivers ilkoll qed jilqgħu dawn il-festivals – il-festivals jistgħu jsalvawlhom l-istaġun.”

Spiteri qal li kien qed jaħdem mal-Gvern fir-rigward ta’ miżuri ta’ sigurtà, fosthom teħid ta’ temperatura mal-wasla għall-festivals, sanitisation stations u miżuri biex tinżamm distanza soċjali ta’ żewġ metri l-ħin kollu.”

Spiteri rrefera għall-club Uno bħala wieħed mill-postijiet fejn se jkunu qed jiżvolġi l-festivals. Qal li Uno kapaċi jilqa’ 8,000 persuna madankollu se tkun qed tintuża wkoll għalqa biswit il-club li kapaċi tilqa’ 20,000 persuna oħra. “Bażikament se jkun qed jintuża post li kapaċi jilqa’ 28,000 persuna għad-9,000 persuna li se jattendu l-festivals,” tenna Spiteri.

Share With: