“Malta rnexxielha tillimita l-impatt fuq l-ekonomija grazzi għall-miżuri li ddaħħlu”

Il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz waqt is-Summit globali tal-ILO

Illum jintemm is-summit globali tal-International Labour Organisation (ILO), l-aġenzija tal-Ġnus Magħquda nkarigata li tavvanza l-ġustizzja ekonomika u soċjali madwar id-dinja u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan is-summit, li kien preċedut minn ħames laqgħat reġjonali, indirizza l-impatt ekonomiku u soċjali tal-COVID-19. F’dawn il-jumejn madwar 70 kap ta’ stat jew Gvern ddiskuttew din il-materja importanti, bis-sehem tal-akbar għaqdiet li jirrapreżentaw il-ħaddiema u min iħaddem, kif ukoll tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u mexxejja ta’ għaqdiet internazzjonali oħra.

Skont ir-riċerka globali li saret mill-ILO, fit-tieni kwart tal-2020 madwar 93% tal-ħaddiema tad-dinja kienu qed jaffaċjaw xi forma ta’ impatt fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni f’pajjiżna fejn skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-impatt inħass minn madwar 62% tal-impjegati. Skont l-ILO madwar id-dinja kien hemm telf medju ta’ 14% tas-sigħat normali tax-xogħol, li huwa ekwivalenti għal telfien ta’ 400 miljun impjieg full-time.

Il-Prim Ministru Dr Robert Abela kien mistieden jindirizza dan is-summit ħalli jagħti dettalji tal-miżuri li ħa l-Gvern Malti biex jilqa’ għall-pandemija, kif ukoll biex jgħin fid-diskuzzjoni tal-futur tad-dinja tax-xogħol. Fil-messaġġ tiegħu Dr Abela enfasizza li minkejja li pajjiżna huwa wieħed mill-aktar dipendenti fuq it-turiżmu u l-kummerċ internazzjonali, irnexxielna nillimitaw l-impatt ekonomiku grazzi għal miżuri bla preċedent li daħħalna malajr. Dawn jinkludu l-COVID-19 Wage Supplement, benefiċċji soċjali ġodda, moratorju fuq dejn eżistenti, diferimenti ta’ taxxa u garanziji fuq dejn ġdid. Il-Prim Ministru sostna li dan ma kienx ikun possibli li kieku f’pajjiżna ma rnexxilniex ikollna djalogu soċjali aktar intensiv li wassal biex min jaħdem u min iħaddem refgħu l-piż flimkien.

Fid-diskors tiegħu, Dr Abela enfasizza tliet lezzjonijiet għas-soċjetà globali. L-ewwelnett din il-pandemija wriet l-importanza tal-istituzzjonijiet internazzjonali bħal-WHO – liema istituzzjonijiet fi snin passati kien hemm min ipprova jnaqqas l-importanza tagħhom. It-tieni lezzjoni hija li t-teknoloġija biex inbiddlu d-dinja tax-xogħol ġa tinstab fostna u kien biss nuqqas ta’ rieda u viżjoni li kien qed ixekkel dan l-użu, liema żvilupp jista jkollu impatt importanti biex jissolvew problemi bħal bidla fil-klima. Fl-aħħarnett il-pandemija wriet ukoll li l-mudell ta’ djalogu soċjali fejn il-vuċi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem tingħata importanza, għal darba oħra reġa’ ħareġ superjuri. Dawk il-pajjiżi bi djalogu soċjali ħaj qed imorru ferm aħjar minn pajjiżi oħra.

Filwaqt li esprima l-kunfidenza tiegħu li ser inkunu qed negħlbu l-isfida tal-COVID-19, il-Prim Ministru rrimarka l-bżonn li nħarsu lura lejn kif kien riżolt l-impatt ekonomiku tal-pandemija li kienet laqtet lid-dinja aktar minn mitt sena ilu. Essenzjalment kien hemm min irrisponda b’intervent ta’ sostenn min-naħa tal-Gvern u min mexxa b’awsterità. Fuq il-lat tal-orjentament ekonomiku, kien hemm min adotta nazzjonaliżmu ekonomiku u min baqa’ miftuħ għal kummerċ u investiment barrani. L-istorja wriet li rwol aktar attiv min-naħa tal-Gvern flimkien ma’ orjentament miftuħ kienu s-soluzzjonijiet li ħadmu.   

Fost mexxejja oħra li indirizzaw is-summit kien hemm id-Direttur Ġenerali tal-World Health Organisation, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, il-Managing Director tal-IMF, il-Kanċillier tal-Ġermanja, il-Prim Ministri tal-Italja u Spanja, u l-Prim Ministru tal-Kanada. Dan minbarra l-mexxejja tal-akbar trade unions Amerikani u Ewropej, kif ukoll rappreżentati tal-akbar għaqdiet ta’ min iħaddem fil-pajjiżi żviluppati. 

Share With: