Malta tappella għal Ewropa magħquda bħala essenzjali għall-irkupru ekonomiku u soċjali Ewropew

Il-Gvern ta’ Malta jistieden lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jingħaqdu ħalli jilħqu ftehim dwar l-irkupru tal-Unjoni mill-COVID-19 u juru solidarjetà fil-migrazzjoni, taħt il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan ġie enfasizzat waqt diskussjoni online dwar il-programm tal-Presidenza tal-Ġermanja organizzat mill-MEUSAC u l-Ambaxxata tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’Malta biex tfakkar il-bidu tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2020). Matul is-sessjoni ssemmew suġġetti oħra fosthom: il-Qafas Finanzjarju Multi-annwali l-ġdid, l-istat tad-dritt, it-tfassil tar-relazzjonijiet futuri tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit u l-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Matul id-diskussjoni mal-Ambaxxatur tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal Malta Walter Haßmann u l-Kap tal-MEUSAC Mandy Falzon, ingħaqdu l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-Onor. Evarist Bartolo, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Id-diskussjoni kienet segwita minn diversi rappreżentanti tal-missjonijiet diplomatiċi f’Malta u barra min Malta, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, uffiċjali tal-gvern u membri tal-pubbliku.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela awgura lill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-programm ambizzjuż tagħha u qal li jittama li fis-sitt xhur li ġejjin, l-Unjoni Ewropea se jirnexxilha tegħleb il-konsegwenzi tal-pandemija fl-interess taċ-ċittadini tagħha. Huwa nnota kif l-Unjoni Ewropea għandha tħares lura u titgħallem mill-passat fejn l-għażla għal miżuri ta awsterità ma għenitx lin-nies, lill-familji, u l-ekonomiji biex jegħlbu d-diffikultajiet. Il-Ministru Abela tkellem ukoll fuq l-isfidi li għandha l-Unjoni Ewropea biex jintlaħqu l-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030. Kif stqarr il-Ministru Abela, “għandna bżonn aktar sostenibilità u ġustizzja”. B’referenza għax-xogħol tal-MEUSAC, huwa rrefera għar-rwol importanti tal-aġenzija li tipprovdi l-informazzjoni lill-pubbliku Malti dwar xogħol li għaddej fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Id-diskussjoni trattat ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika, bil-Ministru Abela jgħid li l-messaġġ li nwasslu għandu jkun li ż-żewġ kontinenti flimkien għandhom jaġixxu bħala sħab fit-twettiq ta’ politiki ċċentrati madwar il-benesseri tal-bniedem. Huwa fakkar li Malta kienet it-tieni stat membru tal-Unjoni Ewropea li nediet l-istrateġija ‘Malta u l-Afrika: Strateġija ta’ Sħubija 2020-2025’.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-motto tal-Presidenza Ġermaniża huwa xieraq ħafna meta wieħed iqis is-sitwazzjoni partikolari li tinsab fiha l-Ewropa. “Mhux se jkun hemm irkupru mingħajr ma naħdmu flimkien, qal is-segretarju parlamentari. Huwa rrimarka li n-negozjati tal-Qafas Finanzjarju Multi-annwali 2021-2027 se jkunu differenti ħafna minn dawk preċedenti, kemm minħabba l-pandemija tal-coronavirus, li poġġa lill-pajjiżi kollha Ewropej f’qagħda kerha, kif ukoll il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Stefan Zrinzo Azzopardi ddikjara li l-pajjiżi kollha għandhom ir-realtajiet tagħhom u jiffaċċjaw sfidi differenti u fil-każ ta’ Malta kien evidenti li l-pandemija ġabet il-vulnerabilitajiet tagħha meta t-turiżmu twaqqaf. Huwa nnota li qabel ma l-istati membri daħlu f’dawn il-kumplikazzjonijiet, diġà kien hemm nuqqas ta’ qbil, madanakollu issa sar essenzjali għall-Unjoni Ewropea li taqbel dwar pjan ta’ rkupru biex tiddikjara l-kredibilità tagħha. Huwa qal li dan il-pjan għandu jkun iffukat fuq iċ-ċittadini u mhux l-istituzzjonijiet biex jiżgura ż-żamma u l-ħolqien tax-xogħol u aktar riġenerazzjoni ekonomika għall-istati membri kollha.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo spjega illi f’dan iż-żmien ta’ rkupru, l-Unjoni Ewropea trid turi li hija tassew Unjoni msejsa fuq is-solidarjetà bejn l-istati membri. Huwa qal li l-koperazzjoni murija fl-isforzi tar-ripatrijazzjoni fl-eqqel tal-pandemija għandha sservi bħala preludju xieraq għall-miri li trid tilħaq il-Presidenza Germaniża.  F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo semma l-migrazzjoni, apparti l-irkupru ekonomiku, bħala l-akbar sfida għal din il-Presidenza, bin-nuqqas ta’ qbil dwar mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni mandatorja jibqa’ jxekkel il-ħidma tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu, Evarist Bartolo saħaq li r-rilokazzjoni mhijiex is-soluzzjoni, u li l-Unjoni Ewropea għandha taħdem fil-qrib mal-ġirien tagħna fl-Afrika biex tindirizza din l-isfida komuni mill-għeruq tagħha, u dan billi tibni r-reżiljenza u toffri futur sostenibbli għaċ-ċittadini Afrikani fl-Afrika stess.

L-Ambaxxatur tal-Ġermanja għal Malta Walter Haßmann tkellem dwar il-fatturi ewlenin li se jixprunaw il-ħidma ta’ pajjiżu fil-ħidma tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tingħeleb il-pandemija billi tiġi miġġielda l-firxa ta’ virus, tiġi mgħejuna l-ekonomija fl-Ewropa biex tirkupra, anki bit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali. Biex dawn l-għanijiet jintlaħqu, il-Ġermanja hi impenjata li, tikkoordina l-ħidma tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bejn l-istati membri u mal-istituzzjonijiet l-oħra tagħha, f’azzjonijiet konġunti u f’solidarjetà, skont il-valuri komuni tal-Unjoni.   

Immexxija mill-motto, ‘Flimkien biex l-Ewropa Tirkupra’, l-Ambaxxatur Haßmann tkellem dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Ġermaniża għal irkupru ekonomiku u soċjali fit-tul, Ewropa iktar b’saħħitha u innovattiva, Ewropa ġusta u sostenibbli, Ewropa ta’ sigurtà u valuri komuni, u b’saħħitha fuq livell globali.

Share With: