Maltco b’għotja ta’ €50,000 lill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli

Il-kumpanija Maltco Lotteries Ltd. għal darba oħra tenniet l-impenn u l-appoġġ tagħha favur il-logħob responsabbli billi ppreżentat kontribuzzjoni ta’ €50,000 lill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli (RGF).

Din il-kontribuzzjoni tħabbret waqt konferenza stampa fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo. Preżenti kien hemm ukoll il-General Manager tal-RGF Shawn Zammit u l-Kap Eżekuttiv ta’ Maltco Lotteries Ltd. Vasileios Kasiotakis.

Din l-għotja se tkun qiegħda tintuża biex tippromwovi u tqiegħed fil-prattika prinċipji tal-logħob responsabbli waqt li tħares li tipproteġi lill-ġukaturi, b’mod partikolari dawk li huma l-aktar vulnerabbli.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo spjega kif din l-għotja annwali ta’ €50,000 li l-Maltco tgħaddi kull sena lill-Fodazzjoni għal-Logħob Resposabbli se tgħin biex ikun hemm iżjed mezzi finanzjarji fil-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob.

Is-Segretarju Parlamentari Bartolo żied jgħid li dan huwa vizzju li ħafna drabi ma tarahx bħal vizzji oħra imma qiegħed hemm u jrid jiġi indirizzat. “Bħalma għandna l-industrija tal-gaming b’saħħitha, in-naħa l-oħra għandna dan il-vizzju li rridu naraw kif negħlbuh u nassiguraw li min għandu bżonn l-għajnuna isibha, għajnuna effettiva li tgħin lilu u l-familja kollha tiegħu, u allura jkun jista’ jimxi ‘l quddiem minn dan il-vizzju u jkun jista’ jkompli miexi b’ħajtu,” qal Bartolo.

Min-naħa tiegħu, il-General Manager tal-RGF Shawn Zammit beda biex esprima l-gratitudni tiegħu għall-għotjiet li l-Maltco tathom matul is-snin. Huwa qal li dawn l-għotjiet dejjem kienu ta’ sostenn għall-Fondazzjoni fid-diversi proġetti u inizjattivi tagħha u matul ix-xhur li għaddew fl-appoġġ għall-pjan tal-kontinġenza tagħha immirat biex jindirizza l-kriżi tal-Covid-19.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Maltco Vasileios Kasiotakis semma kif fl-operat tagħhom ta’ kuljum, l-aġenti ta’ Maltco dejjem isegwu l-prinċipji tal-logħob responsabbli u kompla billi rringrazzjahom tax-xogħol kontinwu u l-kontribut tagħhom.

Kasiotakis żied jgħid li minbarra l-kontribuzzjoni għall-RGF, Maltco Lotteries tikkontribwixxi madwar €600,000 kull sena lill-Fond għall-Kawżi Ġusti, liema ammont jinġabar minn premjijiet mirbuħa iżda mhux miġbura, li mbagħad jintużaw biex jgħinu diversi individwi u entitajiet fi ħdan is-soċjetà Maltija. 

Share With: