Melvin Theuma jispjega l-attentat ta’ suwiċidju f’nota miktuba mill-Isptar

F’nota miktuba mis-sodda tiegħu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, Melvin Theuma qal li huwa ta lilu nnifsu diversi daqqiet ta’ sikkina minħabba li x-xhieda tiegħu fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienet qed titpoġġa f’dubju. Dan kien rapportat dalgħodu minn Times of Malta.

Theuma, li rċieva l-maħfra presidenzjali biex jagħti informazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, qal lill-maġistrat inkwirenti Astrid May Grima li ma kien hemm l-ebda involviment ta’ persuni terzi fl-attentat ta’ suwiċidju ta’ nhar it-Tlieta li għadda.

Tard filgħaxija Theuma nstab fl-appartament tiegħu fis-Swieqi bi ġrieħi serji f’għonqu u ġrieħi oħrajn fl-istonku. Huwa kien mistenni li jkompli jagħti x-xhieda tiegħu l-għada filgħodu.

Kaġun tal-ġrieħi li sofra Theuma ma jistax jitkellem, u kien għaldaqstant li kiteb in-nota bil-għan li jkun jista’ jikkomunika mal-maġistrat.

Fin-nota li fiha spjega dak li deher li kien attentat ta’ suwiċidju, Theuma qal li ħass rimors u sussegwentement kompla jikteb li kien qed iħoss li x-xhieda tiegħu ma kinitx qed tiġi kkunsidrata bħala kredibbli.

Share With: