Memorandum ta’ Ftehim li jirrappreżenta sinerġija bejn il-GWU u t-tim ta’ GEMMA

Il-pubbliku jista’ jikseb aktar għarfien ta’ kif itejjeb l-infiq, jiffranka u jippjana għall-futur tiegħu

Minn MARIA AZZOPARDI

Il-General Workers’ Union (GWU), irrappreżentata mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, flimkien ma’ ĠEMMA: Kun Af, Ippjana, Aġixxi, fl-Uffiċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim biex b’mod konġunt jinvolvu ruħhom ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati biex l-inizjattivi edukattivi fuq il-kapaċità finanzjarja jkunu jistgħu gradwalment jilħqu gruppi diversi. Permezz ta’ attivitajiet konġunti, il-pubbliku inġenerali jkollu aktar għarfien ta’ kif jista’ jtejjeb l-infiq, jiffranka u jaħseb għall-futur.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li dan il-Memorandum ta’ Ftehim kien pass importanti u jirrappreżenta sinerġija bejn il-GWU u t-tim ta’ GEMMA. Bugeja enfasizza l-importanza li l-membri tagħha, kif ukoll min iħaddem u l-impjegati tiegħu, jiġu edukati permezz ta’ din is-sbuħija strateġika ta’ tliet snin fejn jitgħallmu kif għandhom jippjanaw u jaġixxu skont il-finanzi tagħhom. Bugeja qal li huwa importanti li meta nitkellmu fuq life long learning ngħallmuhom mhux l-affarijiet edukattivi biss imma anke fejn wieħed jitgħallem itejjeb l-infiq, jiffranka u jippjana għall-futur tiegħu. 

Ministru Falzon: Il-GWU hija stakeholder importanti f’dan il-qasam

Il-Ministru Michael Falzon qal li bħala pajjiż irridu dejjem nippruvaw nilqgħu għall-isfidi li jkollna. Huwa qal li r-realtà demografika hija dik li hi fejn f’pajjiżna jkollna persentaġġ dejjem ogħla li jkunu pensjonanti. Falzon spjega li wieħed ma jridx jitkellem fuq lifelong learning biss imma wkoll fuq lifelong planning u dan il-ftehim huwa intiż preċiżament għalhekk. 

Il-Ministru qal li huwa ta’ pjaċir għalihom li f’dan il-qasam jaħdmu ma’ diversi stakeholders u huwa wkoll ta’ sodisfazzjon li jaħdmu flimkien mal-GWU li hija stakeholder importanti f’dan il-qasam.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Mark Musù qal li dan il-Memorandum ta’ Ftehim huwa parti mill-istrateġija għall-irtirar u kapaċità finanzjarja, liema strateġija qiegħda hemm biex in-nies isiru aktar konxji li hemm bżonn jaħsbu għal meta jirtiraw biex ikollhom dħul iktar diċenti meta jaslu fi żmien li jkunu bil-pensjoni. Huwa qal li dan huwa possibbli permezz sħubiji ma’ numru ta’ stakeholders u bla dubju l-GWU hija stakeholder importanti ħafna. 

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-website: www.gemma.gov.mt

Share With: