Messi jiskorja s-700 goal fil-karriera glorjuża tiegħu

L-attakkant Arġentin Lionel Messi skorja s-700 goal tiegħu tal-karriera glorjuża tiegħu wara li sab ix-xibka minn penalty fil-logħba li Barcelona kellhom kontra Atletico Madrid f’Camp Nou u li spiċċat fi draw ta’ 2-2.

Dan il-player kompla jikser rekord wara l-ieħor mal-club tiegħu bil-player li wera s-sodisfazzjon tiegħu wara din il-bravura li għamel.

Dan il-goal poġġa temporanjament lill-Katalani fil-vantaġġ iżda l-Colchoneros irritaljaw sabiex ħadu punt minn din il-partita.

Wara dan ir-riżultat, Barcelona baqgħu fit-tieni post tal-klassifika ta’ La Liga punt biss bogħod mil-leaders Real Madrid li għandhom logħba nieqsa.

Għal Messi dan kien is-630 goal li skorja għal Blaugrana fis-724 dehra tiegħu.

L-istilla Arġentina kellu sehem fil-goal tal-vantaġġ meta minn corner tiegħu, kien l-attakkant ta’ Atletico Madrid, Diego Costa, li kellu l-isfortuna li jaħbat il-ballun miegħu qabel jispiċċa fix-xibka.

Ftit minuti wara Atletico Madrid ingħataw penalty meta Yannick Carrasco twaqqa’ fil-kaxxa, bi Diego Costa li kompla mal-ġurnata xejn sabiħa tiegħu meta ra x-xutt mill-11-il metru salvat mill-goalkeeper Marc-Andre Ter Stegen. B’xorti tajba dan il-penalty reġa’ ngħata minħabba u din id-darba nkariga ruħu Saul Niguez li għeleb lil Ter Stegen.

Kif għedna Messi reġa’ poġġa lil Barcelona fil-vantaġġ b’penalty li kien jixbaħ ħafna dak tal-eks-player Ċek, Antonin Panenka, meta qabbeż tajjeb il-ballun u qarraq bil-goalkeeper ta’ Atletico Madrid Jan Oblak.

Minkejja kollox Saul Niguez għaqqad doppjetta personali sabiex għamel l-iskor 2-2 f’logħba ferm movimentata.

Share With: