M’hemm l-ebda ktieb tar-regoli dwar is-saltna tad-dritt fl-Istati Membri tal-UE – Alfred Sant

Miżuri favur l-infurzar tas-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu appoġġjati iżda m’hemm l-ebda ktieb tar-regoli miftiehem li bih tiġi evalwata l-prattika tas-saltna tad-dritt fl-Istati Membri tal-UE, l-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew.

Fi stqarrija waqt dibattitu plenarju dwar proposta għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet fir-rigward tas-saltna tad-dritt fl-Istati Membri, Alfred Sant qal li l-valutazzjonijiet jibqgħu dipendenti fuq kriterji politiċi suġġettivi li jistgħu ma jiġux applikati b’mod uniformi u bl-istess mod għal kulħadd.

Dak li jikkostitwixxi ksur tas-saltna tad-dritt għadu miftuħ għall-interpretazzjoni li ħafna drabi tiddiskrimina bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar is-saltna tad-dritt inklużi deċiżjonijiet biex jiġu applikati sanzjonijiet tista’ tkun l-iktar oġġettiva jekk l-aġenzija li tapplikahom tkun indipendenti mill-aġenziji l-oħra kollha fl-Unjoni.

Jeħtieġ ukoll li jkolla status kważi-ġudizzjarju u s-setgħa li tinvestiga każijiet ta’ ksur ta’ regoli hekk kif jinqalgħu. Dan ma jidhirx li huwa l-każ hekk kif jinsabu l-affarijiet fil-preżent. Huwa estremament dubjuż jekk rwol bħal dan għandux jiġi assenjat lill-Kummissjoni Ewropea minħabba l-istatus eżekuttiv u politiku tagħha.

“Punt ieħor li wieħed għandu jżomm f’moħħu huwa jekk is-sanzjonijiet baġitarji kif maħsubin ma jispiċċawx iweġġgħu lil ħafna ċittadini li huma stess jistgħu jkunu vittmi ta’ ksur tas-saltna tad-dritt”, qal Alfred Sant.

Il-proposta mill-Kummissjoni tipproponi li l-fondi tal-UE għall-Istati Membri taħt il-baġit fit-tul tal-UE li jmiss ikunu jiddependu fuq ir-rispett tagħhom lejn is-saltna tad-dritt. Il-proposta tirrispondi prinċipalment għal kritika li l-UE ma tistax tieħu ħsieb pajjiżi fejn l-indipendenza tal-ġudikatura hija kompromessa, jew inkella hemm użu ħażin tal-fondi tal-UE.

Share With: