“Mhux se naċċettaw il-punt li niġu penalizzati għall-għaqal u s-suċċess tagħna” – Il-Prim Ministru Robert Abela

F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela spejga kif l-eżitu tan-negozjati dwar il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin u l-Fond ta’ Rkupru f’dan il-mument ma jidhrux li sejrin tajjeb ħafna.

“Diffikulta prinċipali hija dwar il-fond ta’ rkupru iktar milli l-MFF. Ilbieraħ bqajna għaddejjin sa tard bil-lejl fejn id-diskussjoni daret fuq is-saltna tad-dritt li tkun waħda mill-kriterji li abbażi tagħha qed jingħataw il-fondi. Fejn forsi numru ta’ xhur ilu, kienet ta’ diffikulta għalina li tiddaħħal is-saltna tad-dritt bħala waħda mill-kundizzjonijiet, aħna għamilna bidliet drastiċi u konna minn ta’ quddiem li iva, bħala Stat Membru konvinti li s-saltna tad-dritt hi valur prinċipali.”

Il-Prim Ministru spjega kif id-diskussjonijiet se jkomplu fil-ħin li ġej u emfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq qbil mill-aktar fis. “Ma nistgħux nistennew aktar għax il-baġit jidħol fis-seħħ minn Jannar li ġej. Il-Fond ta’ Rkupru huwa emerġenza akbar minħabba l-Covid. Kull pajjiż qed jitlob il-fondi lbieraħ qabel illum. Id-diskussjoni ma tistax tkaxkar iżjed.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li pajjiżna huwa pajjiż bieżel u suċċess.

“Minkejja li s-successi tal-aħħar 5 snin jaħdmu kontrik, mhux ħa nħallu dawn l-affarijiet jaqtgħulna qalbna biex inġibu l-aqwa pakkett għal pajjiżna u allokazzjoni li tixraq lil pajjiżna.”

Share With: